Kondom tal-Irġiel

Main menu

    X'inhu kondom tal-irġiel?
    Il-kondom huwa magħmul minn għant irqiq ħafna tal-lattiċi (lastiku) li għandu jintlibes fuq il-pene qabel il-kuntatt ġenitali (inkluż is-sess orali). Il-kondoms iwaqqfu l-isperma milli tiltaqa' mal-bajda. L-użu konsistenti u korrett tal-kondom tal-lattiċi tal-irġiel inaqqas ir-riskju tat-trażmissjoni ta' infezzjonijiet trażmessi sesswalment.

    X'inhi l-effikaċja ta' kondom tal-irġiel?
    98% effettiv jekk dejjem jintuża b'mod korrett skont l-istruzzjonijiet. Jipprevjeni t-tqala u l-STIs. Dan ifisser li 2 nisa minn kull 100 joħorġu tqal f'sena.
    Meta tuża l-kondoms, huwa importanti li:

    • Tuża kwalità tajba.
    • Tevita ħsara kimika jew fiżika.
    • Tużax ma' lubrikant ibbażat fuq iż-żejt eż. Vażellina.
    • Tilbes il-kondom fuq il-pene qabel il-kuntatt ġenitali u tiġbed il-pene 'l barra wara l-eġakulazzjoni.
    • Tarmi l-kondom jekk jintlibes bil-maqlub.
    • Tieħu ħsieb li ma jkunx hemm taqtir waqt li jinġibed lura, billi żżomm it-tarf ta' taħt tal-kondom.
    • Tuża kull kondom darba waħda biss.
    • Tivverifika d-data tal-iskadenza.

    Kondoms ta' kwalità tajba jridu jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-istituzzjoni tal-Istandards Brittaniċi (BS 3704 1989) u kondoms ta' kwalità tajba mibjugħa fil-Komunità Ewropea għandhom ikunu konformi mal-istandard uniku Ewropew il-ġdid tal-kondoms. Huma biss il-kondoms li għandhom il-marka BSI (BSI kite mark) u l-Logo Standard Ewropew, magħruf ukoll bħala l-marka CE Ewropea li jiżguraw li huma konformi u jilħqu l-istandards ta' kwalità rikonoxxuti u kriterji ta' affidabbiltà. Għalhekk, inti mħeġġeġ tiċċekkja li l-kondom għandu l-marka tal-BSI u l-logo CE, u li l-pakkett ma jkunx skadut!

     


    X'inhuma r-raġunijiet għaliex m'għandekx tuża kondom?
    Xi nies jistgħu jkunu allerġiċi għall-kondoms, għalkemm dan huwa rari. F'dan il-każ, għandhom jintużaw kondoms li mhumiex magħmulin mil-lattiċi (eż. Avanti, li komunement jinstabu fl-ispiżeriji).

    Kif għandek tilbes kondom:
    Il-pakkett fih l-istruzzjonijiet.
    Biex tuża kondom tal-irġiel sew, segwi dawn il-passi:

    • Uża kondom kull darba li jkollok x'taqsam sesswalment.
    • Ivverifika d-data tal-iskadenza fuq il-pakkett.
    • Iftaħ bl-attenzjoni l-pakkett tal-fojl li fih il-kondom, u oqgħod attent li ma ċċarratx il-kondom.
    • Żomm il-ponta tal-kondom bejn sebgħek il-werrej u sebgħek il-kbir biex taċċerta ruħek li ma jintlibisx bil-maqlub u li ma tidħolx arja ġewwa (il-kondom jista' jinqasam jekk tinqabad l-arja ġo fih).
    • Poġġi l-kondom fuq it-tarf tal-pene.
    • Waqt li tagħfas il-ponta tal-kondom, irromblah 'l isfel fuq it-tul tal-pene erett.
    • Jekk il-kondom ma jirromblax 'l isfel, probabbli jkun bil-maqlub – erġa' ibda b'kondom ġdid għax jista' jkun hemm l-isperma fuqu.

     

     


    Għandi nuża lubrikant mal-kondom?
    Ħafna mill-kondoms jiġu lesti b'lubrikant. Jekk ikun meħtieġ, hu rakkomandat li jintużaw lubrikanti bbażati fuq l-ilma fuq il-kondoms.

    Għadni kif kelli tarbija. Nista' nuża kondoms?
    Iva, tista' tuża kondoms wara li kellek tarbija.

    Nista' nuża kondoms wara korriment?
    Iva, il-kondoms jistgħu jintużaw immedjatament wara korriment.

    Għandi bżonn nuża spermiċida?
    Le. Il-kondoms ma jeħtiġux spermiċida addizzjonali biex joqtlu l-isperma.

    Jista' jintuża kondom għas-sess orali?
    Il-kondoms jistgħu jintużaw għas-sess orali. Jistgħu jintużaw kondoms bit-togħma.

    Liema kondoms huma l-aħjar għal sess anali?
    Kondoms standard huma adattati għal sess anali. Huwa rrakkomandat li jintuża lubrikant waqt is-sess anali biex jitnaqqas ir-riskju li l-kondom jinqasam.

    Fejn nista' nsib kondoms?
    Il-kondoms jistgħu jinxtraw minn spiżerija u ħwienet minn fuq il-bank mingħajr riċetta tat-tabib.

    X'inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-kondoms?
    Vantaġġi

    • Taħt il-kontroll tal-koppja.
    • L-ebda effetti sistemiċi.
    • Jista' jintuża faċilment.
    • Protezzjoni kontra l-biċċa l-kbira tal-STIs, inkluż l-HIV.
    • Jipprevjeni t-tqala.
    • Jista' jipproteġi kontra l-kanċer ċervikali.
    • Spermiċida addizzjonali mhijiex rakkomandata jew meħtieġa.

    Żvantaġġi

    • Meqjusa bħala xi ħaġa maħmuġa.
    • Jitqies li jfixkel l-att sesswali.
    • Jista' jiżloq jew jiċċarrat jekk ma jintużax sew jew jekk ikun id-daqs jew il-forma l-ħażina.
    • Jeħtieġ ippjanar bil-quddiem.
    • Inaqqas is-sensittività.
    • Ma jistax jintuża flimkien ma' lubrikanti bbażati fuq iż-żejt bħall-vażellina.

    Kontraindikazzjonijiet

    • Allerġija għal-lattiċi jew għall-ispermiċida.
    • Problemi ta' erezzjoni bħal problemi biex tinżamm l-erezzjoni.


    X'jista' jagħmel il-kondom inqas effettiv?

    • Kondom jista' jinqasam jew jiċċarrat għax jista' jkun li lbist il-kondom bil-maqlub, jew għax tkun daħlitlu l-arja, jew għax il-kondom ikun ġie f'kuntatt ma' prodott li jinħall fix-xaħam, bħal vażelina jew żejt tat-trabi li jaqsmu l-kondom.
    • Diversi sustanzi u preparazzjonijiet, inklużi l-prodotti kollha bbażati fuq iż-żejt, jaffettwaw l-effikaċja tal-kondom. Dawn jinkludu medikazzjonijiet fil-vaġina għal infezzjonijiet fungali (bħal thrush) jew infezzjonijiet oħra.
    • Fallimenti komuni oħra tal-kondoms huma minħabba li l-kondoms jitqattgħu waqt li qed jinfetaħ il-pakkett tal-aluminju jew għax jintlaqtu b'xi difer jew xi ġojjellerija bil-ponta waqt li jkunu qed jintlibsu. Għalhekk, meta qed tiftaħ il-pakkett tal-kondom, il-kondom għandu jkun imbuttat 'il barra u magħfus lejn il-ġenb biex ma jiċċarratx. Il-pakkett tal-kondom għandu jingħafas biex jgħin il-kondom joħroġ u mhux jinġibed 'il barra bid-dwiefer. M'għandekx tiftaħ il-pakkett tal-kondom bi snienek jew bl-imqass għax il-kondom ta' ġewwa jista' jiġi danneġġat. Jekk kondom jiċċarrat waqt li jkun qed jiġi applikat mid-dwiefer jew ċrieki bil-ponta, għandu dejjem jintuża kondom ġdid.
    • Nuqqas komuni ieħor tal-kondom jiġri meta dan jiżloq fil-vaġina wara telf tal-erezzjoni wara l-penetrazzjoni sesswali. Il-kondoms jiżolqu waqt l-att sesswali jew jibqgħu ġol-vaġina meta l-pene jitneħħa wara l-att sesswali minħabba li r-raġel ma jirnexxilux iżomm l-erezzjoni u jonqos milli jżomm il-kondom meta joħroġ il-pene tiegħu mill-vaġina, u jħalli l-kondom ġol-vaġina. Il-kondom jista' wkoll joħroġ faċilment meta jintlibes bil-maqlub. Għalhekk, għandu jintuża kondom qabel il-pene jiġi f'kuntatt mal-vulva. Il-kondom għandu jintlibes meta l-pene jkun imqajjem u jitrembel sew 'l isfel mat-tul kollu tiegħu. Bl-id l-oħra, il-persuna li tużah għandha tagħfas il-kondom fir-ras tal-pene biex tneħħi l-arja ta' ġo fih. Wara l-eġakulazzjoni, il-pene għandu jinħareġ billi żżomm il-kondom mit-tarf t'isfel tal-pene biex tiżgura li ma jibqax fil-vaġina.
    • Xi koppji jsibuha diffiċli biex jużaw il-kondom, u jilmentaw li huwa żgħir wisq jew kbir wisq. Ħafna rġiel u nisa jieqfu jużaw il-kondoms ukoll għax jilmentaw minn nuqqas ta' sensittività. Huwa maħsub li raġuni waħda għaliex l-irġiel jilmentaw li tilfu s-sensittività bil-kondoms hi minħabba li jħossuh ssikkat ħafna. Ftit jafu li l-kondoms jiġu f'qisien differenti u jistgħu jinxtraw biex jakkomodaw daqsijiet differenti tal-pene. Il-kondoms kollha jistgħu jitwessgħu għalhekk m'għandhomx ikunu żgħar iżżejjed. Barra minn hekk, il-kondoms li għandhom it-tarf wiesa' huma aktar tajbin għal dawk l-irġiel li jilmentaw li l-kondom hu żgħir wisq għalihom, għax jistgħu jtaffulhom il-problema tal-issikkar. Il-kondoms bil-kurvatura huma aktar tajbin għal dawk l-irġiel li jsibuhom kbar iżżejjed. Jeżistu wkoll kondoms ta' daqs kbir ħafna u ta' daqs żgħir ħafna.
    • Tuża lubrikant żejjed jew ftit wisq.