Ċirku Vaġinali
X'inhu ċ-ċirku vaġinali?
Iċ-ċirku vaġinali huwa ċirku tal-plastik flessibbli, trasparenti u artab li jitqiegħed ġewwa l-vaġina tiegħek, fejn jirrilaxxa żewġ ormoni (estroġenu u proġesterone).
Kif jaħdem iċ-ċirku vaġinali?
Iċ-ċirku kontinwament jirrilaxxa żewġ ormoni - estroġenu u proġesterone - fid-demm. Ċirku wieħed jipprovdi kontraċezzjoni għal xahar, għalhekk m'għandekx għalfejn taħseb dwaru kuljum.
Jipprevjeni t-tqala billi:
- Iżomm milli sseħħ l-ovulazzjoni
- Jagħmel l-endometriju mhux favorevoli għall-impjantazzjoni; l-endometriju jirqaq, u għalhekk ikun inqas probabbli li jaċċetta bajda fertilizzata
- Jagħmel il-mukus ċervikali impenetrabbli għall-isperma
Kemm huwa effettiv iċ-ċirku vaġinali?
Meta jintuża b'mod korrett u skont l-istruzzjonijiet, huwa aktar minn 99% effettiv fil-prevenzjoni tat-tqala.
Meta nista' nibda nużah iċ-ċirku?
Tista' tibda tuża ċ-ċirku vaġinali fi kwalunkwe jum li tixtieq jekk ma tkunx tqila. Tħallih għal 21 jum u tneħħih għal waqfa mingħajr ċirku vaġinali ta' 7 ijiem. Matul din il-waqfa, tibqa' protetta mit-tqala. Wara l-waqfa, trid iddaħħal ċirku ġdid għal 21 jum ieħor u tirrepeti ċ-ċiklu. Dejjem iddiskuti dawn l-għażliet mat-tabib tiegħek u ara liema mod hu l-aħjar għalik.
- Jekk tibdih fl-ewwel jum tal-period mestrwali (iċ-ċiklu), tkun protetta minnufih.
- Jekk tibda tużah fi kwalunkwe ħin ieħor fiċ-ċiklu mestrwali tiegħek, ikollok bżonn protezzjoni addizzjonali bħal kondoms għall-ewwel 7 ijiem li tkun qed tużah.
Jista' jkollok sess u tuża tampon jew menstrual cup waqt li ċ-ċirku jkun fil-vaġina tiegħek. Int u s-sieħeb tiegħek għandkom mnejn tħossuh iċ-ċirku matul is-sess.
Kif nista' nużah iċ-ċirku vaġinali?
Iċ-ċirku huwa mfassal biex jagħtik 'withdrawal period' (li ma jkunx il-period tas-soltu tiegħek). Madankollu, jista' jkun li tixtieq tużah b'mod differenti. Dejjem iddiskuti dawn il-possibiltajiet mat-tabib tiegħek u ara liema mod hu l-aħjar għalik. Eżempju ta' dan huwa kif ġej:
Il-Mod Standard
Uża ċirku ġdid darba fil-ġimgħa, kull ġimgħa għal 21 jum. Imbagħad għandek tieqaf tuża ċ-ċirku għall-4 jew is-7 ijiem li jmiss. Għandu jseħħ il-'withdrawal period' waqt il-waqfa ta' mingħajr ċirku. Ibda ċirku ġdid fil-5 jew fit 8-jum, anki jekk tkun għadek qed tara d-demm.
Inkun protetta fil-jum meta ma jkollix iċ-ċirku?
Iva, tkun protetta jekk qed tuża ċ-ċirku skont l-istruzzjonijiet.
Kif indaħħlu ċ-ċirku?
- Aħsel idejk.
- Agħfas iċ-ċirku bejn is-saba' l-kbir u l-werrej u bil-mod daħħal il-ponta fil-vaġina tiegħek.
- Poġġi ċ-ċirku fil-vaġina bil-mod sakemm tħossu komdu.
- Ara li ċ-ċirku jkun għadu hemm billi tħossu b'subgħajk (iċ-ċirku ma jistax jintilef fil-vaġina).
Kif nista' nneħħih iċ-ċirku?
It-tneħħija taċ-ċirku m'għandhiex tikkawża uġigħ. Jekk tara d-demm, tħoss xi uġigħ, jew ma tistax toħorġu, ara t-tabib tiegħek minnufih.
- Aħsel idejk.
- Poġġi sebgħek fil-vaġina u aqbad it-tarf taċ-ċirku.
- Iġbed iċ-ċirku 'l barra bil-mod.
- Matul l-intervall fejn ma jkollokx ċirku, tista' tara demm bħal tal-period.
X'jiġri jekk joħroġ iċ-ċirku?
Jekk joħroġ, għandek tara:
- Kemm kien ilu fuqek iċ-ċirku qabel ma nqala'.
- Kemm ikun ilu li ħareġ.
Xenarju 1:
Jekk inqas minn 48 siegħa minn meta ħareġ iċ-ċirku
- Daħħlu lura malajr kemm jista' jkun u żomm iċ-ċirku sal-waqfa ta' bla ċirku li jmiss.
- Jekk tinsab fl-ewwel ġimgħa wara l-waqfa ta' bla ċirku, m'hemmx bżonn ta' kontraċezzjoni addizzjonali sakemm iċ-ċirku jkun intuża b'mod korrett f'din il-ġimgħa u fis-7 ijiem ta' qabel il-waqfa mingħajr ċirku.
- Jekk tinsab fi kwalunkwe ġimgħa oħra, m'hemmx bżonn ta' kontraċezzjoni addizzjonali jekk iċ-ċirku jkun intuża b'mod korrett.
Xenarju 2:
Jekk ikun ilu barra għal 48 siegħa jew aktar
- Daħħlu lura malajr kemm jista' jkun u żomm iċ-ċirku sal-waqfa ta' bla ċirku li jmiss.
- Jista' jkollok bżonn kontraċezzjoni addizzjonali bħal kondoms jew li tevita s-sess sakemm iċ-ċirku jagħmel 7 ijiem ġewwa jew jekk tkun għadek għaddejja mis-7 ijiem tal-waqfa ta' bla ċirku.
Hemm xenarji oħra speċjalment jekk iċ-ċirku jkun ilu ġewwa għal aktar minn 21 jum (3 ġimgħat). Kellem lit-tabib tiegħek għal parir u assistenza. Jista' jkollok bżonn kontraċezzjoni addizzjonali jew tevita s-sess kompletament jew tagħmel użu mill-kontraċezzjoni ta' emerġenza f'każ ta' sess mhux protett.
Insejt inneħħih wara l-21 jum.
Jekk iċ-ċirku jkun ilu ġewwa għal 7 ijiem wara l-21 jum:
- Neħħih malli tiftakar.
- Ibda l-waqfa ta' bla ċirku ta' 7 ijiem.
- Wara s-7 ijiem ta' waqfa, poġġi ċirku ġdid.
- Jista' jkun li ma tkunx teħtieġ kontraċezzjoni addizzjonali.
Jekk iċ-ċirku jkun ilu ġewwa għal aktar minn 7 ijiem wara l-21 jum:
- Neħħih malli tiftakar.
- Poġġi ċirku ġdid.
- Uża kontraċezzjoni addizzjonali jew evita s-sess kompletament.
Insejt nitfa' wieħed ġdid.
- Poġġi ċirku ġdid hekk kif tiftakar.
- Uża kontraċezzjoni addizzjonali għas-7 ijiem li jmiss.
X'inhuma l-vantaġġi taċ-ċirku vaġinali?
- M'għandekx għalfejn taħseb dwaru kuljum, anki jekk kont qed tirremetti jew kellek id-dijarea.
- Faċli biex jiddaħħal u jitneħħa.
- Ma jinterrompix matul is-sess.
- Inaqqas il-periods tqal jew li jikkawżaw l-uġigħ - jagħmel il-period aktar regolari.
- Jista' jgħin fis-sintomi premestrwali.
- Jitnaqqas ir-riskju ta' xi tipi ta' kanċer.
- L-ebda effett fit-tul fuq il-fertilità.
- Jgħin bil-problemi tal-PCOs (sindromu poliċistiku tal-ovarji).
X'inhuma l-iżvantaġġi taċ-ċirku vaġinali?
- Tista' ma tħossokx komda ddaħħlu jew taqilgħu mill-vaġina tiegħek.
- Uġigħ ta' ras temporanju, dardir, uġigħ kemxejn fis-sider u tibdil fil-burdata.
- Dmija irregolari għall-ewwel ftit xhur.
- Xi mediċini jistgħu jagħmlu ċ-ċirku inqas effettiv (kellem lit-tabib tiegħek qabel ma tieħu kwalunkwe mediċina ġdida li tista' tinteraġixxi maċ-ċirku vaġinali tiegħek).
- Trid tiftakar biex tibdel iċ-ċirku u tpoġġi wieħed ġdid.
X'inhuma r-riskji taċ-ċirku vaġinali?
Ir-riskji kollha għandhom jiġu diskussi mat-tabib tiegħek qabel ma tibda kontraċettiv ġdid. Iċ-ċirku vaġinali jista' jkollu l-effetti sekondarji li ġejjin:
- Emboli tad-demm b'riskju għoli (trombożi profonda tal-vina/arterja) jekk:
- L-ewwel sena tiegħek li qed tuża r-roqgħa.
- Tpejjep.
- Għandek piż żejjed.
- Għandek trombofilja (tendenza ta' koagulazzjoni tad-demm).
- Ma tistax tiċċaqlaq (immobbli) jew tuża siġġu tar-roti.
- Vini varikużi severi.
- Għandek id-dijabete.
- Tbati mill-emikranji.
- Membru tal-familja qarib li kellu attakk tal-qalb, puplesija, jew emboli tad-demm qabel l-età ta' 45 sena.
Ir-riċerka tissuġġerixxi wkoll li min juża ċ-ċirku vaġinali għandu riskju miżjud żgħir ta' kanċer tas-sider u kanċer ċervikali.
Importanti li titkellem mat-tabib tiegħek malli tesperjenza s-sintomi li ġejjin:
- Uġigħ fis-sider.
- Riġlejk jintefħu u jibdew juġgħuk.
- Dgħufija u tnemnim fid-driegħ jew fis-sieq.
- Uġigħ ta' ras jew emikranja mhux tas-soltu.
- Tkarkir f'daqqa tad-diskors jew diffikultajiet oħra tat-taħdit.
- Problemi bil-vista.
N.B. Barra minn hekk, għid lit-tabib tiegħek li qed tuża ċ-ċirku vaġinali anki f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.
Min jista' juża ċ-ċirku vaġinali?
Mhux kulħadd jista' juża ċ-ċirku vaġinali. Il-prattikant mediku tiegħek jeħtieġ li jkun jaf l-istorja medika tiegħek u informazzjoni oħra relatata mal-mard. Jekk m'għandekx waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin jew kwalunkwe raġuni medika oħra, tista' tuża ċ-ċirku vaġinali. Madankollu, iċ-ċirku jista' ma jkunx adattat għalik jekk:
- Tpejjep u għandek aktar minn 35 sena.
- Għandek 35 sena u waqfet tpejjep inqas minn sena ilu.
- Għandek piż żejjed jew aktar minn 90 kg.
- Qed tieħu ċerta mediċina.
- Qed tredda' tarbija ta' inqas minn 6 ġimgħat.
- Għandek/kellek jew xi membru immedjat tal-familja tiegħek li kellu trombożi fil-vina jew arterja qabel l-età ta' 45 sena.
- Mard tal-qalb jew puplesija.
- Anormalitajiet tal-qalb.
- Pressjoni għolja.
- Problemi ta' ċirkolazzjoni.
- Awra tal-emikranja.
- Kanċer tas-sider jew għandek ġene assoċjata mal-kanċer tas-sider.
- Dijabete b'kumplikazzjonijiet.
- Ilek immobbli għal perjodu twil ta' żmien (bħal meta tuża siġġu tar-roti).
- Tkun f'altitudni għolja (aktar minn 4,500 m) għal aktar minn ġimgħa.
Iċ-ċrieki jista' jinqasam jew jinkiser fil-vaġina?
Huwa rari ħafna u mhux probabbli li ċ-ċirku jinkiser. Kun ċert li tneħħi ċ-ċirku miksur u daħħal wieħed ġdid minnufih. Kompli ċ-ċiklu kif kont qed tagħmel.
Jekk nieħu mediċini oħra, dan se jaffettwa ċ-ċirku vaġinali tiegħi?
Antibijotiċi
Antibijotiċi użati b'mod komuni ma jaffettwawx iċ-ċirku vaġinali. L-antibijotiċi rifampicin u rifabutin (mediċini li jikkuraw it-tuberkulożi u l-meninġite) jistgħu jnaqqsu l-effettività tal-pillola kkombinata. Jista' jkollok bżonn kontraċezzjoni addizzjonali bħal kondoms waqt li tieħu l-antibijotiku jew xi żmien wara. Antibijotiċi oħra m'għandux ikollhom effett.
Mediċina kontra l-epilessija u l-HIV, u l-kura ta' St John Wort
Dawn it-tipi ta' mediċini jissejħu indutturi tal-enżimi (hekk kif iħaffu t-tkissir tal-ormoni mill-fwied tiegħek) u jistgħu jagħmlu l-pillola inqas effettiva.
Nara d-demm meta nibda ċ-ċirku vaġinali?
Iva, komuni ħafna fil-bidu. Ara li tkun qed tuża ċ-ċirku vaġinali skont l-istruzzjonijiet. Jekk qed tara d-demm aktar min-normal jew hija xi ħaġa li m'intix komda biha, kellem lit-tabib tiegħek.
Nista' naqleb għal metodu ieħor ta' kontraċezzjoni?
Iva, tista' tbiddel iċ-ċirku għal kontraċettiv ieħor. Kellem lit-tabib tiegħek għal parir u gwida kif xieraq.
Nista' noħroġ tqila meta nneħħi ċ-ċirku vaġinali?
Meta tieqaf tuża ċ-ċirku, il-fertilità tiegħek terġa' lura għal dak li huwa normali għalik. Jista' jkun li ma jkollokx period minnufih, imma terġa' lura għan-normal fi żmien ftit xhur.
Nista' nuża ċirku vaġinali wara korriment (miscarriage)?
Tista' tibda tuża ċ-ċirku vaġinali immedjatament wara li tkun korrejt.
Għadni kif kelli tarbija. Meta nista' nibda ċ-ċirku vaġinali?
Normalment tista' tibda tuża ċ-ċirku mill-21 jum wara li tkun wellidt, jekk ma tkunx qed tredda'. Jekk bdejt wara 21 jum, għandek bżonn kontraċezzjoni addizzjonali bħal kondoms biex tipproteġik mit-tqala, jew li tevita s-sess kompletament għas-7 ijiem li jmiss. Iċ-ċirku jista' jaffettwa l-produzzjoni tal-ħalib minn sidrek. Għalhekk, m'għandekx tibda ċ-ċirku qabel it-tarbija jkollha 6 ġimgħat.
Se nżid fil-piż?
Ir-riċerka ma wrietx li se żżid il-piż bl-użu taċ-ċirku vaġinali. Iż-żieda fil-piż tista' tkun dovuta għaż-żamma tal-fluwidu u għal raġunijiet oħra lil hinn mill-użu tal-patch.
Kemm-il darba għandi mmur għal check-up?
It-tabib tiegħek se jipprovdi gwida dwar l-appuntament li jmiss. It-tabib jista' jkollu bżonn jiċċekkja l-pressjoni tad-demm u l-piż tiegħek darba fis-sena, madankollu, tistenniex l-appuntament li jmiss jekk:
- Taħseb li tista' tkun tqila.
- Jista' jkollok STI jew HIV/AIDS.
- Tesperjenza uġigħ sever fin-naħa t'isfel taż-żaqq.
- Tara dmija jew xi sintomu ieħor imsemmi fir-riskji taċ-ċirku vaġinali.
Jekk għandi ċ-ċirku vaġinali, inkun protetta minn Infezzjonijiet Trasmessi Sesswalment?
Le, il-kondoms tal-irġiel u n-nisa biss (meta użati b'mod korrett u konsistenti) jipproteġuk mill-STIs.