Herpes Ġenitali

Main menu

    X'inhu Herpes?
    Il-herpes ġenitali hija infezzjoni trażmessa sesswalment. Din hija kkawżata mill-virus Herpes Simplex (HSV). Hemm żewġ tipi ta' viruses: Herpes Simplex tat-tip 1 (HSV1) u t-tip 2 (HSV2). Dawn il-viruses huma simili ħafna għal xulxien u t-tnejn jistgħu jikkawżaw infafet jew ulċeri. Meta dawn jokkorru fuq il-wiċċ huma magħrufa bħala 'cold sore' (qisha ponta), u meta jokkorru fuq il-ġenitali jissejħu 'herpes ġenitali'. Madankollu, iż-żewġ viruses jistgħu jinqabdu fuq partijiet oħra tal-ġisem.

    Kif tittieħed il-herpes?

    • Tista' tgħaddi l-herpes ġenitali lil ħaddieħor mingħajr tkun taf.
    • L-aktar mod komuni huwa permezz tal-kuntatt sesswali, fejn partner minnhom ikollu l-virus.
    • Kulħadd jista' jeħodha l-herpes. Hija komuni ħafna u tista' tiġi trażmessa faċilment matul is-sess vaġinali, orali u anali.
    • Jekk persuna jkollha ġerħa fil-ġilda, hemm riskju għoli li tgħaddi l-virus minn dik il-parti.
    • L-aktar mod komuni biex jinqabad l-HSV1 ġenitali huwa permezz tas-sess orali minn persuna li jkollha 'cold sore'. Jista' jiġi trażmess ukoll permezz ta' tnixxijiet ġenitali ta' persuna li tkun infettata b'HSV ġenitali.
    • Dan jista' jiġi trażmess permezz tal-bżieq ta' persuna li tkun infettata bl-HSV orali.
    • L-herpes ġenitali normalment ma tikkawżax problemi serji ta' saħħa.


    Kif nista' nnaqqas ir-riskju li nieħu l-herpes?

    • L-aħjar mod kif jiġi evitat il-herpes ġenitali huwa li ma jkollokx sess, jew li tkun f'relazzjoni monogama ma' xi ħadd li ma jkunx infettat.
    • Il-kondoms jistgħu jnaqqsu r-riskju li tieħu l-herpes ġenitali. Madankollu, il-kondoms jistgħu jipproteġu biss iż-żona tal-ġisem li jkopru. L-ulċeri li jkun hemm fuq żoni mhux koperti bil-kondom jistgħu jinfettaw lill-partner sesswali l-ieħor.
    • Agħmel testijiet kemm ikun hemm bżonn.
    • Illimita n-numru ta' partners tiegħek.
    • Tagħmilx sess jekk tkun fis-sakra jew tkun użajt drogi illeċiti.

    N.B. Il-ħasil tal-ġenitali wara s-sess ma jipprevjenix l-STIs.

    X'inhuma s-sintomi tal-herpes?

    • Il-biċċa l-kbira tan-nies ma jkollhomx sinjali jew sintomi viżibbli.
    • Tista' tkun infettat bil-virus għal żmien twil (ġimgħat, xhur u snin) qabel ma tiżviluppa xi sintomi.
    • Madankollu, is-sintomi tal-herpes ġenitali jistgħu jiżviluppaw ukoll fi żmien erbgħa jew ħamest ijiem minn meta sseħħ l-infezzjoni.
    • Għall-ewwel, għandek mnejn tinnota ħruq jew ħakk fiż-żona ġenitali jew anali. Jista' jkun hemm nfafet u ponot li mbagħad jinfaqgħu fi żmien ftit jiem qabel ma jiżviluppaw qoxra fuq il-ġerħa ż-żgħira.
    • Meta toħroġ l-ewwel darba l-HSV, jista' jkollok sintomi simili għal dawk tal-influwenza bħal uġigħ ta' ras, uġigħ fil-muskoli u deni. Jista' jkollok ukoll gjandoli minfuħa fir-reġjun tal-groin.
    • Tista' xxerred l-infezzjoni lejn partijiet oħra ta' ġismek jekk tħokk l-infafet/il-ponot tmiss parti oħra ta' ġismek. Tista' wkoll ixxerridha f'għajnejk.
    • L-irġiel jistgħu jiżviluppaw ponot jew infafet fuq ħalqhom, kuxxtejhom u l-warrani, l-uretra u l-anus , penis u scrotum.
    • In-nisa jistgħu jiżviluppaw bżieżaq/nfafet fuq ħalqhom, kuxxtejhom u l-warrani, l-uretra u madwar il-patata, iż-żona vaġinali, l-għonq tal-utru u l-ġenitali esterni.
    • L-HSV1 jikkawża 'cold sores' mal-imnieħer u l-ħalq.

     

     


    Kif nista' nsir naf jekk għandix herpes?

    • It-tabib jista' jkun jaf li għandek infezzjoni tal-HSV billi sempliċiment iħares lejn is-sinjali u s-sintomi tiegħek. Tista' tittieħed ukoll swab mill-ulċera, flimkien ma' test tad-demm.
    • Tista' ċċempel lill-GU Clinic l-Isptar Mater Dei (Livell 2 tal-Outpatients) fuq 25457494 għal appuntament.
    • Tista' tiġi ttestjat għal STIs oħra peress li jista' jkollok infezzjonijiet oħra trażmessi sesswalment fl-istess ħin.


    Meta għandi niġi ttestjat/a?

    • Għandek tiġi ttestjat/a għal herpes ġenitali malli tesperjenza xi wieħed mis-sintomi.
    • Jekk kellek jew qed ikollok sess vaġinali, anali jew orali mhux protett.
    • Jekk kellek jew qed ikollok sess mhux protett ma' aktar minn partner wieħed.


    Kif tiġi ttrattata l-herpes?

    • Ma hemmx kura għall-herpes ġenitali, iżda hemm kuri għas-sintomi.
    • L-ewwel darba li turi sintomi ta' herpes għandek tkellem lit-tabib tiegħek li jtik riċetta għal mediċina antivirali. Il-mediċina ma tneħħix il-virus minn ġismek, iżda twaqqfu milli jkompli jimmultiplika. L-aħjar li tibda l-kura fi żmien 5 jum.
    • Xi mediċini jistgħu jipprevjenu li jitilgħu l-infafet jew iwaqqfuhom aktar malajr.
    • L-applikazzjoni ta' pakketti tas-silġ mal-infafet (tpoġġix is-silġ direttament fuq il-ġilda, uża biċċa drapp) għal xi żmien tgħin biex ittaffi l-uġigħ u l-ħakk. Id-doċoċ kesħin jistgħu jgħinu wkoll.
    • Tbabħaħ fl-ilma fietel jew bl-Epsom salts u ara li wara tixxotta l-ponta.
    • Jekk tesperjenza uġigħ waqt li tkun qed tgħaddi l-awrina, tista' tuża doċċa biex tbaħbaħ il-ġenitali tiegħek bl-ilma fietel hekk kif tgħaddi l-awrina. Jekk ma tistax tgħaddi l-awrina għal żmien twil, fittex għajnuna medika minnufih.


    Il-ħerpes ġenitali jista' jerġa jiġik?

    • Xi wħud jilmentaw li l-ponot tal-herpes jerġgħu jiġu. L-ponot ġenitali rikorrenti jistgħu jseħħu aktar spiss b'infezzjonijiet tat-tip 2 milli bit-tip 1. Il-'cold sores' tal-HSV 1 huma rrappurtati li jiġu skattati mill-għeja, l-istress, l-immunità baxxa jew l-esponiment għad-dawl UV.
    • Jekk jiġuk ta' spiss, tista' tieħu kura preventiva biex trażżan is-sintomi.


    Għandi ninforma lill-partner tiegħi dwar il-herpes?

    • Li tgħid lill-partner tiegħek dwar id-dijanjożi tal-herpes tiegħek inaqqas iċ-ċans li tgħaddi l-virus. Jekk il-partner tiegħek kien diġà infettat bl-HSV2, ma tistax terġa' tgħaddilhom il-virus.
    • Ma tistax tieħu l-herpes ġenitali minn xugamani tal-banju, sedili tat-toilet u pixxini.
    • Jekk beħsiebek ikollok is-sess, ara li tistenna li l-ġilda tiegħek titfejjaq għal kollox. Jekk toqgħod lura mis-sess sakemm jgħaddu s-sintomi, ikun ħafna inqas probabbli li jgħaddi l-virus. Madankollu, xorta tista' tgħaddi l-infezzjoni anki jekk ma jkollokx ponot.
    • Il-herpes Simplex tat-tip 1 huwa komuni ħafna - il-partner tiegħek jista' diġà jkollu. Ftit hemm ċans li tinfettahom mill-ġdid.

    L-HSV-1 tittieħed l-aktar waqt tifqigħa ta' sintomi. Madankollu, jista' jiġi trażmess ukoll meta ma jkunx hemm sintomi viżibbli. Kull min għandu tifqigħa attwali għandu jevita l-kuntatt orali ma' oħrajn u jikkondividi oġġetti li jkollhom kuntatt mal-bżieq.

    Il-herpes u t-tqala

    • Jekk int tqila jew qed tipprova toħroġ tqila u għandek il-herpes, kellem lit-tabib. Jista' jagħtik parir dwar kif tnaqqas aktar ir-riskju u x'tip ta' ħlas se jkollok. Tista' tingħata mediċini antivirali.
    • Jekk mara tieħu l-herpes qabel ma toħroġ tqila, it-tarbija x'aktarx li ma ssirilhiex ħsara. Dan għaliex is-sistema immunitarja tal-omm tkun diġà rrispondiet għall-virus u ffurmat l-antikorpi għalih, li mbagħad jgħaddu għand it-tarbija.
    • Huwa importanti ħafna li ma tiħux il-herpes matul it-tqala. Kellem lit-tabib tiegħek malli tinnota xi sintomi. It-tarbija tista' tiġi infettata matul it-twelid u tista' tagħma, ikollha ħsara fil-moħħ jew tmut.


    Il-herpes u l-HIV
    L-infezzjoni bil-herpes iżżid ir-riskju li jittieħed l-HIV. Hemm konċentrazzjoni għolja ta' ċelloli immunitarji fejn ikun hemm il-parti infettata mill-herpes. Dawn iċ-ċelloli jiġu attakkati mill-HIV, u għalhekk jekk ponta jew ġerħa tiġi f'kuntatt mal-virus, hemm ċans akbar li tiġi infettat/a.

    Aktar informazzjoni u għajnuna

    • Kellem lit-tabib tiegħek
    • Ċempel lill-GU Clinic fuq 25457494/1 għal appuntament


    Referenzi:

    https://iusti.org/wp-content/uploads/2019/12/Herpes.pdf

    https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/herpes-simplex-virus

    https://www.bashhguidelines.org/media/1039/hsv-pil-2015-screen-friendly.pdf

    https://www.cdc.gov/std/herpes/the-facts/default.htm

    https://iusti.org/wp-content/uploads/2019/11/HSVtype1_2017.pdf

    https://iusti.org/wp-content/uploads/2019/11/HSVtype2_2017.pdf