Kanċer fl-Għonq tal-Utru

Main menu

    X'inhu l-kanċer tal-għonq tal-utru?
    Il-kanċer tal-għonq tal-utru (jew ċerivikali) jiżviluppa, f'nisa tipiċi, fil-passaġġ li jwassal mill-vaġina għall-utru. Il-kanċer huwa marda li fiha ċ-ċelloli fil-ġisem jikbru barra mill-kontroll.

    X'jikkawża l-kanċer tal-għonq tal-utru?

    • Skont il-WHO (2021), il-kanċer tal-għonq tal-utru huwa r-raba' l-aktar kanċer tipiku komuni fin-nisa tipiċi. Il-biċċa l-kbira tal-każijiet tal-kanċer tal-għonq tal-utru huma marbuta ma' papillomaviruses umani (HPV) ta' riskju għoli, li huma infezzjoni komuni trażmessa sesswalment. L-HPV jista' jiġi evitat faċilment billi jittieħed il-vaċċin kontra HPV.
    • Hemm aktar minn 100 tip ta' HPV, li ħafna minnhom ma jagħmlux ħsara. HPV 16 u 18 huma żewġ razez li jikkawżaw bidliet anormali fiċ-ċelloli taċ-ċerviċi, li jistgħu jwasslu għal kanċer tal-għonq tal-utru. Ikklikkja fuq il-ħoloq biex issib aktar informazzjoni dwar l-HPV u l-vaċċin għall-HPV.
    • In-nisa tipiċi kollha huma f'riskju li jiżviluppaw kanċer tal-għonq tal-utru. Madankollu, ħafna drabi jiġri f'persuni li għandhom 'il fuq minn 30 sena.


    X'inhuma s-sintomi tal-kanċer tal-għonq tal-utru?
    Il-kanċer tal-għonq tal-utru ma għandu l-ebda sintomu fl-istadji bikrija tiegħu. Huwa għalhekk li l-iscreening taċ-ċerviċi huwa importanti. Is-sintomi jistgħu jinkludu:

    • Tnixxija ta' demm vaġinali anormali (matul jew wara s-sess).
    • Tara d-demm bejn period u ieħor.
    • Demm vaġinali wara l-menopawża.
    • Uġigħ persistenti fil-pelvi jew fid-dahar.
    • Tisfija u riħa vaġinali mhux tas-soltu.

    Ta' min tinnota li mhux kull fsada (ħruġ ta' demm) mhux tas-soltu hija relatata mal-kanċer tal-għonq tal-utru, iżda jista' jkollha bżonn attenzjoni immedjata mit-tabib tiegħek.

    Screening
    Il-kanċer tal-għonq tal-utru jista' jiġi evitat permezz ta' screening xieraq u kura bikrija. L-iscreening, magħruf ukoll bħala smear test, jista' jidentifika anormalitajiet ċervikali. Investigazzjonijiet ulterjuri jsiru billi tittieħed bijopsija ċervikali (kolposkopija) u t-tneħħija taċ-ċelloli anormali jistgħu jnaqqsu r-riskju li jiġi żviluppat kanċer tal-għonq tal-utru.

    • Screening ċervikali huwa test biex tiġi vverifikata s-saħħa taċ-ċerviċi, li hija l-parti t'isfel tal-ġuf (spiss imsejħa l-għonq tal-utru).
    • L-anormalitajiet ċervikali mhux dejjem iwasslu għall-kanċer.
    • L-ittestjar għall-HPV jista' jiġi inkluż għal persuni li għandhom aktar minn 30 sena.


    Screening Ċervikali f'Malta

    • It-test huwa offrut lill-persuni kollha b'karatteristiċi anatomiċi femminili ta' bejn 25 u 41 sena (kull min twieled mill-1980 'il quddiem).
    • Awtomatikament tirċievi stedina miċ-Ċentru Nazzjonali tal-Iscreening bħala parti mill-Programm Nazzjonali tal-Iscreening.

    Dawn ta' hawn taħt huma l-aktar fatturi ta' riskju komuni li jistgħu jwasslu għal kanċer tal-għonq tal-utru:

    • It-tipjip.
    • Tkun attiva sesswalment minn età bikrija.
    • Jekk kellek jew għandek diversi partners sesswali jew jekk kellek jew għandek partner sesswali li kellu jew għandu diversi partners sesswali oħra.
    • It-teħid ta' mediċini immunosoppressanti (eż. fil-każ ta' trapjant ta' organi).
    • Skont ir-riċerka, l-iscreening ċervikali taħt l-età ta' 25 sena mhuwiex rakkomandat u huwa meqjus li jagħmel aktar ħsara milli ġid peress li huwa aktar probabbli li persuni iżgħar jeħilsu minn anormalitajiet ċervikali waħedhom.
    • Wara l-ewwel screening ċervikali, tibda tirċievi stedina kull tliet snin. Meta tilħaq l-età ta' 50 sena tiġi mistiedna kull ħames snin.


    Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar is-servizz, tista':

    • Tkellem lit-tabib tal-familja.
    • Tikkuntattja klinika tas-saħħa lokali.
    • Iżżur is-sit www.screening.gov.mt.
    • Iżur il-paġna ta' Facebook.
    • Tibgħat email lil cervix.screening@gov.mt.
    • Tikkuntattja dan in-numru: 21227470/1.
    • Tikteb lil: Ċentru Nazzjonali għall-Screening, 17, Xatt Lascaris, Il-Belt Valletta, VLT 1921, Malta.


    X'jiġri waqt l-iscreening ċervikali?
    Jagħmlulek it-test ners jew tabib. Matul l-iscreening ċervikali, jittieħed kampjun żgħir ta' ċelloli miċ-ċerviċi permezz ta' apparat żgħir li qisu xkupilja. Iċ-ċelloli miġbura jitqiegħdu f'kontenitur żgħir jew likwidu u jiġu ċċekkjati għall-anormalitajiet taħt mikroskopju f'laboratorju. L-istess kampjun jista' jiġi ttestjat għall-preżenza tal-HPV jekk għandek aktar minn 30 sena u għandek riżultat anormali.

    Riżultat anormali tat-test tal-iscreening ċervikali ma jfissirx li għandek kanċer.

    Ir-riżultati

    • In-ners jew it-tabib jgħidulek meta għandek tistenna li tirċievi r-riżultati.
    • F'każ ta' riżultat anormali, jistgħu jitolbuk terġa' lura għal aktar testijiet.
    • Il-biċċa l-kbira tar-riżultati anormali huma ttestjati wkoll għall-HPV (ara hawn fuq).
    • Jekk għandek bidliet marġinali jew ħfief misjuba waqt l-iscreening, tista' tintalab terġa' lura wara sitt xhur għal ripetizzjoni tat-test. Din hija rutina għal kwalunkwe persuna b'bidliet marġinali jew ħfief jekk il-kampjun tal-iscreening tagħhom ma jkunx ġie ttestjat għall-HPV. L-ittra tar-riżultat tgħarrfek għandekx bżonn terġa' lura għal test ta' screening ieħor.
    • F'każ li jkollok bżonn eżami aktar mill-qrib taċ-ċerviċi, tista' tintalab tmur l-isptar/klinika għal kolposkpija. Din hija proċedura biex jiġu eżaminati mill-qrib iċ-ċerviċi, il-vaġina u l-vulva għal sinjali ta' anormalitajiet. Matul il-kolposkopija, it-tabib tiegħek juża mikroskopju msejjaħ kolposkopju biex jiċċekkja għall-anormalitajiet ċervikali.


    It-trattament tal-kanċer tal-għonq tal-utru
    Jekk jinqabad kmieni, il-kanċer tal-għonq tal-utru jista' jiġi kkurat b'mod effettiv billi titneħħa b'mod kirurġiku parti miż-żona anormali miċ-ċerviċi tiegħek. Madankollu, wara diskussjoni dwar il-każ tiegħek, il-ġinekologu jista' joffri għażliet kirurġiċi oħra. Dan jista' jinkludi isterektomija totali. Għall-kanċer avvanzat tal-għonq tal-utru, il-kimoterapija u r-radjoterapija jistgħu jiġu ssuġġeriti wkoll.