Epatite E
X'inhi l-Epatite?
L-epatite hija infjammazzjoni tal-fwied. Hemm tipi differenti ta' epatite, iżda din l-informazzjoni se tiffoka biss fuq l-Epatite E (Hepatitis E).
X'inhi l-Epatite E?
L-Epatite E hija virus (HEV) li jikkawża infezzjoni fil-fwied fil-bnedmin li ġeneralment tirriżulta f'infezzjoni ħafifa, iżda li tista' twassal għall-mewt f'xi wħud. L-Epatite E severa hija ġeneralment aktar frekwenti matul it-tqala u f'persuni b'sistemi immunitarji mdgħajfa.
X'inhuma s-sintomi tal-Epatite E?
Xi nies ma jkollhom l-ebda sintomu. Jekk ikunu preżenti, dawn jinkludu:
- Deni ħafif.
- Dardir u remettar.
- Nuqqas ta' aptit.
- Uġigħ addominali (fiż-żaqq).
- Ħakk.
- Raxx tal-ġilda.
- Uġigħ fil-ġogi.
- Suffejra (kulur isfar tal-ġilda u tal-abjad tal-għajnejn).
- Awrina skura.
- Ippurgar ċar.
F'nisa tqal, speċjalment fit-tieni u t-tielet trimestru, l-Epatite E tista' twassal għal problemi akuti tal-fwied, telf tal-fetu, u mewt. F'persuni b'sistemi immunitarji mdgħajfa, dan jista' jwassal għal Epatite E kronika, speċjalment f'pazjenti li kellhom trapjant ta' organi u jinsabu fuq kura li ddgħajjef is-sistema immunitarja.
Kemm idumu s-sintomi?
Is-sintomi jistgħu jdumu minn ġimgħa sa sitt ġimgħat u jiżviluppaw fuq perjodu ta' diversi jiem.
Kif tinxtered?
Il-virus jiġi trażmess permezz tar-rotta fekali-orali f'żoni b'sanità fqira, tipikament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ġeneralment jinfirex billi jinxtorob ilma kkontaminat bil-feċi (jewl- ippurgar) ta' persuna infettata. Fil-pajjiżi żviluppati, dan jista' jinfirex permezz tal-konsum ta' majjal jew ċriev nejjin jew mhux imsajrin biżżejjed.
Min huwa f'riskju ta' infezzjoni?
L-Epatite E f'Malta hija rari ħafna, iżda tista' tkun f'riskju meta tivvjaġġa lejn pajjiżi fejn hija komuni. Persuni b'sistema immunitarja mdgħajfa u trapjanti solidi ta' organi shuma f'riskju li jaqbdu l-Epatite E u jiżviluppaw kumplikazzjonijiet.
Hemm kura għall-Epatite E?
Ma hemm l-ebda trattament speċifiku. Ġeneralment din titjieb mingħajr trattament. Wieħed għandu jevita l-aċetamina / il-paracetamol u kura li twaqqaf ir-remettar.
Persuni li jsofru minn epatite severa u nisa tqal infettati bl-Epatite E ikunu jeħtieġu jiddaħlu l-isptar.
Kif tista' tiġi evitata l-Epatite E?
L-aktar modi importanti biex jitnaqqas ir-riskju tal-infezzjoni huma:
- Li inżamm iġjene tajba.
- Li tevita l-konsum ta' ilma u silġ li jistgħu jkunu kkontaminati jew minn sors mhux magħruf.
Kif nista' nkun naf jekk għandix l-Epatite E?
Kellem lit-tabib tiegħek.
Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntattja lil
- Il-GP tiegħek (it-tabib tal-familja).
- Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fuq 23266000.
Riżorsi:
https://www.cdc.gov/hepatitis/hev/efaq.htm
https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/hepatitis-e