Ippjanar Naturali tal-Familja

X'inhu l-Ippjanar Naturali tal-Familja?
Dan jinvolvi l-osservazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' bidliet fil-ġisem matul iċ-ċiklu mestruwali biex tkun taf meta persuna jkun qed ikollha ovulazzjoni. Is-sess għandu jiġi evitat f'dawk il-ġranet biex tiġi evitata t-tqala. Biex dan il-metodu jkun effettiv, għandhom jinżammu rekords preċiżi, u jaħdem biss jekk persunajkollha perjodi regolari. Irid jinżamm rekord ta' kuljum tas-sinjali tal-fertilità, bħat-temperatura tiegħek u l-fluwidi li jkunu ġejjin mill-għonq tal-utru tiegħek. Xi kultant, tista' ddum bejn 3 u 6 ċikli mestruwali (kull xahar) biex titgħallem dan il-metodu. M'hemmx effetti sekondarji fiżiċi bl-użu ta' dan il-metodu u jista' jintuża biex tinqabad tqila.

Bażikament, hemm 3 sinjali differenti li huma meħtieġa mill-ġisem tiegħek għall-ippjanar naturali tal-familja:

  • It-tul taċ-ċiklu mestruwali tiegħek.
  • Il-qari ta' kuljum tat-temperatura tal-ġisem tiegħek.
  • Bidliet fit-tnixxija tal-għonq tal-utru tiegħek (il-mukus).

 


X'inhuma l-vantaġġi tal-metodu tal-ippjanar naturali tal-familja?

  • Meta jitgħallmu l-użu tiegħu jsir taħt il-kontroll tal-koppja.
  • Ma jiswiex flus (ħlief fil-metodu ta' kontraċezzjoni personali).
  • Jista' jintuża biex il-persuna jkollha aktar ċans toħroġ tqila.
  • Iżid l-għarfien tal-koppja dwar il-bidliet fil-ġisem u l-fertilità.
  • L-ebda effett fiżiku sekondarju.
  • Bl-użu tal-kondoms kif ukoll l-ippjanar naturali tal-familja, inti se tgħin biex tipproteġi ruħek kontra l-STIs.


X'inhuma l-iżvantaġġi tal-metodu tal-ippjanar naturali tal-familja?

  • Jeħtieġ motivazzjoni.
  • Irid jiġi mgħallem minn speċjalista fl-ippjanar naturali tal-familja.
  • Jeħtieġ l-osservazzjoni u ż-żamma tar-rekords tal-bidliet fil-ġisem.
  • Jista' jieħu ż-żmien biex jitgħallem, u jista' jeħtieġ perjodu ta' astinenza.
  • Is-sinjali tal-fertilità tiegħek jistgħu jiġu affettwati minn mard, stress, u vvjaġġar.


Min jista' juża l-ippjanar naturali tal-familja?
Persuni jistgħu jużaw l-ippjanar naturali tal-familja biex joħorġu tqal. Madankollu, hemm ċerti sitwazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-sinjali tal-fertilità u jista' jkollok tikkunsidra titkellem ma' ġinekologu għal eżami.

Hemm xi korsijiet dwar l-Ippjanar naturali tal-familja?
Jekk inti interessat li titgħallem l-ippjanar naturali tal-familja, ara li qed tiġi mgħallem minn għalliem kwalifikat tal-għarfien dwar il-fertilità.

Il-Moviment ta' Kana joffri korsijiet lil koppji li jkunu qed ifittxu informazzjoni u għajnuna biex jgħixu l-fertilità konġunta tagħhom bħala koppja. Il-korsijiet jikkonsistu f'ħames sessjonijiet ta' sagħtejn u sessjonijiet ta' segwitu wara t-tmiem ta' kull kors. Il-korsijiet isiru tliet darbiet fis-sena. Hemm ukoll sessjonijiet personali. It-tim ta' għalliema tal-Ippjanar Naturali tal-Familja (NFP) li jagħtu l-korsijiet iwettqu taħriġ akkreditat mill-Istitut tal-Edukazzjoni dwar il-Ħajja tal-Familja (IEEE).

Tista' ssib aktar informazzjoni dwar l-Ippjanar Naturali tal-Familja fuq www.canamovement.org.

Il-metodi għall-ippjanar naturali tal-familja:
Il-Metodu tat-Temperatura
Il-metodu tat-temperatura jaħdem fuq il-fatt li jkun hemm żieda żgħira fit-temperatura tal-ġisem wara l-ovulazzjoni. Hemm termometri ddisinjati speċifikament biex jintużaw għall-ippjanar naturali tal-familja PR, termometru diġitali wkoll ikun biżżejjed.

Istruzzjonijiet għall-metodu tat-temperatura
Ħu t-temperatura tiegħek filgħodu eżatt kif tqum, qabel tagħmel xi ħaġa oħra u fl-istess ħin kuljum. Meta tara tlett ijiem konsekuttivi meta t-temperatura ta' ġismek tkun ogħla mis-sitt ijiem ta' qabel, x'aktarx li f'dan il-ħin ma tkunx aktar fertili. Iż-żieda fit-temperatura hija pjuttost żgħira, madwar 0.2 Celsius.

Importanti li persuna tirreġistra ċ-ċiklu mestruwali tagħha għal ftit xhur qabel tuża dan il-metodu. B'ċiklu ta' 28 jum, persuna x'aktarx li jkollha ovulazzjoni ta' 14-il jum wara l-ewwel jum tal-perjodu tagħha. Għalhekk, tista' toħroġ tqila bejn jum 8 u jum 20 taċ-ċiklu tagħha (minħabba t-tul tal-ħajja tal-isperma u l-ooċiti). Mhux in-nies kollha għandhom dan iċ-ċiklu għalhekk għandhom l-ewwel jimmonitorjaw iċ-ċiklu tagħhom mill-qrib biex jistabbilixxu l-mudell tagħhom u jifhmu l-ġisem tagħhom aħjar qabel jużaw dan il-metodu.

Il-Metodu tal-Mukus
Matul l-istadji differenti taċ-ċiklu mestruwali, hemm varjazzjoni fil-konsistenza u l-ammont ta' mukus li joħroġ mill-għonq tal-utru.

Dan jista' jiġi ċċekkjat billi ddaħħal s-saba' tan-nofs bil-mod fil-vaġina tiegħek u timbuttah 'il fuq għal madwar 2cm. Il-vaġina tkun xotta fl-ewwel ftit jiem wara l-perjodu. Meta l-ġisem jibda jipprepara għall-ovulazzjoni, il-livelli tal-ormoni jogħlew, u l-għonq tal-utru issa jkun qed jipproduċu mukus li huwa niedi u li jwaħħal u li huwa ta' kulur abjad u kulur il-krema. Dan huwa l-bidu tal-perjodu fertili. Eżatt qabel l-ovulazzjoni il-mukus isir aktar imxarrab, u jsir aktar fluwidu. Huwa f'dan il-waqt meta l-persuna tkun l-aktar fertili. Meta l-mukus isir eħxen u jwaħħal madwar tlett ijiem wara, m'għandekx tkun aktar fertili.

Importanti li persuna tirreġistra ċ-ċiklu mestruwali tagħha għal ftit xhur qabel tuża dan il-metodu. B'ċiklu ta' 28 jum, persuna x'aktarx li jkollha ovulazzjoni ta' 14-il jum wara l-ewwel jum tal-perjodu tagħha. Għalhekk, tista' toħroġ tqila bejn jum 8 u jum 20 taċ-ċiklu tagħha (minħabba t-tul tal-ħajja tal-isperma u l-ooċiti). Mhux il-persuni kollha għandhom dan iċ-ċiklu għalhekk għandhom l-ewwel jimmonitorjaw iċ-ċiklu tagħhom mill-qrib biex jistabbilixxu l-mudell tagħhom u jifhmu l-ġisem tagħhom aħjar qabel jużaw dan il-metodu.

Il-Pożizzjoni tal-Għonq tal-Utru
In-nies huma mħeġġa wkoll josservaw bidliet fl-għonq tal-utru tagħhom bħall-konsistenza, il-pożizzjoni, u jekk il-fetħa tal-għonq tal-utru tagħhom hijiex miftuħa jew magħluqa. Matul il-bidu taċ-ċiklu meta l-livelli ormonali (estroġenu u proġesteron) jitnaqqsu, l-għonq tal-utru jkun ippożizzjonat baxx fil-vaġina u jista' jinħass faċilment. Il-fetħa tal-għonq tal-utru huwa magħluq, u l-għonq tal-utru jinħass sod meta tmissu. Hekk kif il-livelli tal-estroġenu jiżdiedu, l-għonq tal-utru jinbidel u fl-aktar jum intensiv tal-mukus jinħass artab. Il-fetħa issa miftuħa, u l-għonq tal-utru jkun tela' 'l fuq fil-vaġina, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex issibu. Wara l-ovulazzjoni, l-għonq tal-utru jerġa' lura għall-istat preċedenti tiegħu, jinżel aktar 'l isfel, u jinħass aktar sod meta jkun magħluq. L-iċċekkjar tal-pożizzjoni u l-konsistenza tal-għonq tal-utru, flimkien mal-metodu tal-mukus tal-għonq tal-utru jista' jsir faċilment minn wieħed mill-koppja.

Metodu Termali tas-Sintomi
Il-metodu termali tas-sintomi jew il-metodu tal-kontroll doppju jgħaqqad il-metodi tat-temperatura u tal-mukus tal-għonq tal-utru u tal-pożizzjoni, u għalhekk huwa aktar effettiv bħala kontraċettiv.

Vantaġġi

  • Taħt il-kontroll tal-persuna.
  • Jagħti lill-persuna l-opportunità li tesplora u tħossha aktar komda bil-ġisem tagħha.
  • Iżid l-għarfien dwar il-bidliet li jiġru fil-ġisem.
  • Jipprevedi meta l-mukus ikun fertili li jippermetti t-tqala.
  • Jista' jintuża biex jippreveni t-tqala.


Żvantaġġi

  • Jeħtieġ motivazzjoni.
  • Irid jiġi mgħallem minn speċjalista fl-ippjanar naturali tal-familja.
  • Tista' tieħu 2 sa 3 ċikli biex titgħallem il-metodu.
  • Infezzjonijiet vaġinali jistgħu jagħmluha diffiċli biex tidentifika l-mukus fertili.
  • Xi mediċini użati għat-trattament tal-irjiħat, eċċ., jistgħu jinibixxu l-produzzjoni tal-mukus tal-għonq tal-utru.
  • Jinvolvi li tmiss il-ġisem li tista' ddejjaq lil xi persuni.
  • Jeħtieġ perjodu ta' astinenza.

Idealment tuża t-tliet metodi kollha, iżda għandek tuża mill-inqas tnejn, biex jagħtik indikazzjoni aktar ċara ta' meta x'aktarx tkun l-aktar fertili.

Hemm ċarts tal-fertilità disponibbli li jippermettulek tinnota l-informazzjoni mit-tliet metodi matul l-istadji varji taċ-ċiklu mestruwali.

Illum il-ġurnata, jeżistu wkoll diversi apps tal-mowbajl u softwer tal-kompjuter disponibbli li jippermettulek tirreġistra din l-informazzjoni.