Kontraċezzjoni ta' Emerġenza

X'inhi l-kontraċezzjoni ta' emerġenza?
Il-kontraċezzjoni ta' emerġenza tista' tipprevjeni t-tqala wara sess mhux protett jew jekk il-kontraċezzjoni li tkun użajt ma rnexxietx – pereżempju, kondom inqasam jew jekk il-mara tinsa tieħu l-pillola. Pilloli kontraċettivi ta' emerġenza huma effettivi madwar 85% tal-ħin fil-prevenzjoni tat-tqala.

Il-morning after pill ma tipproteġikx kontra infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs). Jekk għandek sintomi ta' STIs, ikkuntattja l-klinika ĠU jew agħfas hawn għal aktar informazzjoni fuq l-STIs.

M'hemmx limitu fuq kemm-il darba tista' tieħu morning after pill. Madankollu, għandek tikkunsidra kontraċettiv regolari bħall-pillola kontraċettiva regolari jekk tixtieq tevita t-tqala. Agħfas hawn għal aktar informazzjoni dwar kontraċettivi regolari.

Kemm hemm kontraċettivi ta' emerġenza disponibbli u kif għandi nużahom?
Hemm żewġ tipi ta' kontraċezzjoni ta' emerġenza, li huma l-ulipristal acetate (UPA)u levonorgestrel. F’Malta, dawn li ġejjin huma disponibbli:

  • L-ewwel trattament - li tittieħed bħala pillola waħda. Tista' tittieħed sa 5 ijiem wara l-att sesswali mingħajr protezzjoni (120 siegħa). Fiha l-aċetat tal-ulipristal, li jwaqqaf il-proġesteron milli jaħdem b'mod normali. Din taħdem billi twaqqaf jew iddewwem il-bajda tal-mara milli tiġi mitluqa (ovulazzjoni).
  • It-tieni trattament - (levonorgesterl) li tittieħed bħala pillola waħda. Hija liċenzjata biex tingħata sa 3 ijiem wara sess mingħajr protezzjoni (72 siegħa) biex tiġi evitata t-tqala. Din il-pillola ddewwem il-bajda tal-mara milli tiġi mitluqa (ovulazzjoni). Hija verżjoni sintetika tal-ormon naturali proġesteron li jiġi prodott mill-ovarji.
  • It-tielet trattament - hija morning after pill oħra li fiha l-ingredjent levonorgestrel u tista’ tittieħed sa tlett ijiem (72 siegħa) wara s-sess. Tipprevjeni jew iddewwem il-bajda milli tiġi mitluqa mill-ovarji (ovulazzjoni).

Aktar ma tieħu l-kontraċezzjoni ta' emerġenza malajr, aktar tkun effettiva. It-tabib jew l-ispiżjar se jiggwidawk tagħżel l-aktar pillola adattata għalik.

Hemm xi effetti sekondarji?

  • Uġigħ ta' ras
  • Uġigħ addominali
  • Dardir
  • Uġigħ fis-sider (rari)
  • Bidliet fil-mestruwazzjoni li jmiss tiegħek (tista’ tkun aktar kmieni, aktar tard jew b’iktar uġigħ). Jekk il-mestruwazzjoni tiegħek hija aktar minn sebat ijiem tard jew inqas qawwija mis-soltu, agħmel test tat-tqala malajr kemm tista'.
  • Rimettar (fittex attenzjoni medika għax jista' jkollok bżonn tieħu doża oħra)


Xi jwaqqaf il-pillola kontraċettiva ta' emerġenza milli taħdem?
Il-kontraċezzjoni ta' emerġenza tista' ma taħdimx jekk:

  • Qed qed tieħu ċerti mediċini (iċċekkja mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek)
  • Qbiżt in-numru ta’ ġranet rakkomandat wara l-att sesswali qabel ma ħadtha
  • Qed tirremetti b'mod persistenti għal sagħtejn jew 3 sigħat


Minn fejn nista' nikseb il-pillola kontraċettiva ta’ emerġenza?
Tista' tixtri l-pillola kontraċettiva ta' emerġenza minn spiżerija. Il-websajt pharmacy.com.mt tinkludi lista ta' spiżeriji f'Malta li jġibu l-morning after pill. Mhux se ssib il-pillola fi sptar pubbliku.