Injezzjoni Kontraċettiva

X'inhi injezzjoni kontraċettiva?
L-injezzjoni kontraċettiva terħi l-ormon proġestoġen b'mod stabbli fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm tiegħek. Iddum bejn 8 jew 13-il ġimgħa, skont liema injezzjoni tieħu.

Kif taħdem l-injezzjoni kontraċettiva?
L-injezzjoni kontraċettiva terħi l-ormon proġestoġen fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm tiegħek. Din tipprevjeni t-tqala billi:

  • Tħaxxen il-mukus tal-għonq tal-utru, li tagħmilha diffiċli għall-isperma biex tgħaddi mill-għonq tal-utru u tasal sal-bajda
  • Tagħmel il-kisja tal-utru irqaq u għalhekk tkun inqas probabbli li bajda fertilizzata tiġi impjantata
  • Twaqqaf l-ovulazzjoni


Kemm hemm injezzjonijiet kontraċettivi disponibbli?
Hemm tlitt injezzjonijiet disponibbli:

  • Depo-Provera - ddum 13-il ġimgħa
  • Sayana Press - iddum 13-il ġimgħa
  • Noristerat - iddum 8 ġimgħat

It-tabib tiegħek se jiggwidak liema injezzjoni kontraċettiva hija l-aħjar għalik.

Kemm hi effettiva l-injezzjoni kontraċettiva?
L-injezzjoni hija effettiva 99% jekk tittieħed fil-ħin opportun. Jekk ma tiħux l-injezzjoni li jmiss, jew teħodha tard, jista' jkun li ma tibqax protetta kontra t-tqala. B'użu tipiku, hija madwar 94% effettiva, madwar 6 minn kull 100 li jieħdu l-injezzjoni se jinqabdu tqal f'sena.

Meta tibda taħdem?
Jista' jkollok l-injezzjoni fi kwalunkwe ħin matul iċ-ċiklu mestruwali tiegħek jekk ma tkunx tqila. It-tabib tiegħek se jiggwidak jekk ikun hemm bżonn ta' kontraċezzjoni addizzjonali. Normalment dan jiddependi mill-jum meta tieħu l-injezzjoni u miċ-ċiklu mestruwali tiegħek.

Kif tingħata injezzjoni kontraċettiva?

  • Depo-Provera - tiġi injettata f'muskolu kbir, ġeneralment fil-warrani/fid-driegħ tiegħek
  • Sayana Press - tiġi injettata f'muskolu kbir, ġeneralment fil-warrani tiegħek
  • Noristerat - tiġi injettata taħt il-ġilda fin-naħa ta ' quddiem tal-koxxa jew l-addome


X'inhuma l-vantaġġi tal-injezzjoni kontraċettiva?

  • M'għandekx għalfejn toqgħod taħseb fuq il-kontraċezzjoni għal 8 jew 13-il ġimgħa
  • Mhijiex affettwata minn mediċini oħra
  • Ma tinterrompix is-sess
  • M'għandekx għalfejn tiftakar tieħu pillola kuljum
  • Tista' tnaqqas il-perjodi qawwija u tgħin fis-sintomi ta' qabel il-mestruwazzjoni għal xi nisa
  • Tista' tużaha jekk qed tredda'
  • Hija għażla jekk ma tistax tuża kontraċezzjoni bbażata fuq l-estroġenu eż. pillola kombinata, stikka kontraċettiva, u ċirku vaġinali kontraċettiv


X'inhuma l-iżvantaġġi tal-injezzjoni kontraċettiva?

  • Il-perjodi tiegħek jistgħu jinbidlu u jsiru irregolari, aktar qawwija, iqsar, anqas qawwija jew jieqfu. Dan jista' jkompli għal xi xhur wara li twaqqaf l-injezzjonijiet
  • Ma tipproteġikx kontra l-STIs
  • Żieda fil-piż
  • L-injezzjoni ma tistax titneħħa minn ġo ġismek, għalhekk anke jekk ikollok effetti sekondarji, trid tkun ippreparata li tkompliha matul dan iż-żmien
  • Tista' tħoss effetti sekondarji bħal uġigħ ta' ras, akne, jaqgħalek ix-xagħar, tnaqqis fl-aptit sesswali u bidliet fil-burdata
  • Dewmien fil-perjodu sa sena qabel ma terġa' tibda l-fertilità tiegħek


Nista' ninqabad tqila wara li nwaqqaf l-injezzjoni kontraċettiva?
Jista' jkollok dewmien fil-perjodu sa sena qabel ma terġa' tibda l-fertilità tiegħek wara li tieqaf tieħu l-injezzjoni.

X'inhuma r-riskji tal-injezzjoni kontraċettiva?
It-tabib tiegħek se jiddiskuti r-riskji u l-benefiċċji kollha miegħek. Ir-riskji tal-injezzjoni kontraċettiva huma dawn li ġejjin:

  • Osteoporożi
  • Ir-riċerka tindika li persuni li jużaw kontraċezzjoni ormonali jista' jkollhom riskju żgħir ta' kanċer tas-sider
  • Reazzjoni allerġika għall-injezzjoni
  • Reazzjoni fil-parti fejn ittieħdet l-injezzjoni - irritazzjoni jew ċikatriċi


Kif taffettwa l-għadam tiegħi?
Depo-Provera jew Saraya Press jaffettwaw il-livelli naturali tal-estroġenu li jistgħu jikkawżaw traqqiq tal-għadam. L-għadam għandhom it-tendenza li jissostitwixxu ruħhom meta twaqqaf l-injezzjoni. It-traqqiq tal-għadam jista' jkun problema għal dawk li huma f'riskju ta' osteoporożi. L-istorja medika tiegħek għandha tiġi diskussa mat-tabib tiegħek għal parir u gwida.

Min jista' juża injezzjoni kontraċettiva?
Il-biċċa l-kbira tan-nisa jista' jieħdu injezzjoni kontraċettiva. Iżda, tista' ma tkunx adattata għalik, jekk:

  • Taħseb li tista' tkun tqila
  • Ma tridx bidla fil-perjodi tiegħek
  • Tixtieq li jkollok tarbija s-sena d-dieħla
  • Għandek jew kellek fil-passat:
    • Kanċer tas-sider
    • Dmija vaġinali mhux spjegata
    • Mard arterjali jew każijiet imgħoddija ta' mard tal-qalb jew puplesija
    • Mard tal-fwied
    • Riskju ta' osteoporożi


Nista' nara d-demm meta nibda l-injezzjoni kontraċettiva?

  • Il-perjodu tiegħek jista' jinbidel
  • Għal ħafna min-nisa l-perjodi jistgħu jieqfu għal kollox
  • Oħrajn se jkollhom perjodi irregolari jew tbajja' (dmija bejn il-perjodi)
  • Xi wħud se jkollhom perjodi itwal jew aktar qawwija

Jekk tħossok skomda b'xi wieħed minn dawn, kellem lit-tabib tiegħek u ddiskuti metodi oħra ta' kontraċezzjoni jew kawżi oħra possibbli f'każ ta' dmija mhux ikkontrollata.

Nista' naqleb għal metodu ieħor ta' kontraċezzjoni?
L-injezzjoni ma tistax titneħħa minn ġo ġismek, għalhekk ikollok tkompliha matul dan iż-żmien. Jekk tixtieq tibdel it-tip ta' kontraċezzjoni, fittex parir mediku u gwida. Hekk kif tieqaf tieħu l-injezzjoni, ikun hemm bżonn ta' kontraċezzjoni addizzjonali bħall-kondoms.

Nista' nieħu l-injezzjoni kontraċettiva wara korriment?
Tista' tieħu l-injezzjoni kontraċettiva immedjatament wara korriment. Jekk tieħu l-injezzjoni aktar minn 5 ijiem wara l-korriment, hija rakkomandata kontraċezzjoni addizzjonali (kondoms).

Għadni kif kelli tarbija. Meta nista' nieħu l-injezzjoni kontraċettiva?
Jekk tibda l-pillola aktar tard minn 21 jum, se jkollok bżonn kontraċezzjoni addizzjonali bħal kondoms għas-7 ijiem li jmiss.

Kemm għandi mmur għal vista ta' spiss?

  • Staqsi għall-parir mingħand il-fornitur tal-kura tas-saħħa tiegħek meta għandek tagħmel l-appuntament li jmiss
  • Jekk qed ikollok xi problemi minn meta bdejt tieħu l-injezzjoni jew jekk għandek xi tħassib kellem lill-professjonist tal-kura tas-saħħa tiegħek


Jekk għandi l-injezzjoni kontraċettiva, jiena protetta minn Infezzjonijiet Trażmessi Sesswalment?
Le, il-kondoms tal-irġiel u tan-nisa biss (meta jintużaw b'mod korrett u konsistenti) jipproteġuk mill-STIs.