Stikka Kontraċettiva
X'inhi l-istikka kontraċettiva?
L-istikka kontraċettiva hija garża żgħira, irqiqa, beġ u li teħel, li terħi żewġ ormoni (estroġenu u proġestoġen) fil-ġisem tiegħek minn ġol-ġilda biex tevita t-tqala. Ġeneralment tkun 5cm b'5cm. Bħalissa mhijiex disponibbli f'Malta.
Kif taħdem l-istikka kontraċettiva?
L-istikka kontraċettiva terħi doża kuljum ta' ormoni minn ġol-ġilda fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm. Kull stikka ddum ġimgħa u tista' tibdel l-istikka kull ġimgħa għal 3 ġimgħat, imbagħad ikollok ġimgħa mingħajrha.
Tipprevjeni t-tqala billi:
- Twaqqaf l-ovulazzjoni.
- Tagħmel l-endometriju diffiċli għall-impjantazzjoni; tagħmlu irqiq biex ikun inqas probabbli li jaċċetta bajda fertilizzata.
- Tagħmel il-mukus tal-għonq tal-utru impenetrabbli għall-isperma.
Kemm hi effettiva l-istikka kontraċettiva?
Meta tintuża b'mod korrett u skont l-istruzzjonijiet, hija effettiva iktar minn 99% biex tevita t-tqala.
Fejn nista' nwaħħal l-istikka kontraċettiva?
Tista' twaħħal l-istikka direttament fuq il-ġilda tiegħek, fuq il-biċċa l-kbira tal-partijiet ta' ġismek. Jekk tibdel il-pożizzjoni ta' kull stikka ġdida tgħin biex tnaqqas iċ-ċans ta' irritazzjoni tal-ġilda. Il-ġilda trid tkun nadifa, niexfa, u mingħajr xagħar. M'għandekx twaħħal l-istikka fuq:
- Ġilda misluħa jew irritata.
- Postijiet fejn tista' tinqala' bi ħwejjeġ issikkati.
- Sidrek.
Kif għandi nuża l-istikka?
Hemm modi differenti kif tista' tużaha. Dejjem iddiskuti l-għażliet li ġejjin mat-tabib tiegħek u ara liema mod huwa l-aħjar wieħed għalik.
Il-Metodu Normali
Applika stikka ġdida darba fil-ġimgħa, kull ġimgħa għal 21 jum. Imbagħad għandek tieqaf tapplika stikka għall-4 jew is-7 ijiem li jmiss. Għandek tara d-dmija meta twaqqafha matul il-waqfa mingħajr stikka. Ibda stikka ġdida fil-5 jew fit-8 jum, anki jekk għadek qed tara d-demm.
Użu Estiż jew Tliet Ċikli
Applika stikka ġdida darba fil-ġimgħa, kull ġimgħa għal 9 ġimgħat, u mbagħad tagħmilx stikka għall-4 jew is-7 ijiem li jmiss. Għandek tara d-dmija meta twaqqafha matul il-waqfa mingħajr stikka. Ibda stikka ġdida fil-5 jew fit-8 jum, anki jekk għadek qed tara d-demm.
Stikka kontinwa
Applika stikka ġdida darba fil-ġimgħa, kull ġimgħa kontinwament mingħajr waqfa. Mhux se jkollok perjodu ta' waqfien, iżda xorta jista' jkollok xi ħruġ ta' demm. Din id-dmija x'aktarx tonqos biż-żmien.
Użu estiż flessibbli
Applika stikka ġdida darba fil-ġimgħa, kull ġimgħa għal mill-anqas 21 jum. Jekk ma tridx ikollok mestruwazzjoni ta' 3 sa 4 ijiem, agħmel waqfa ta' erbat ijiem mingħajr stikka. Erġa' applika stikka ġdida fil-5 jum anki jekk għadek qed tara d-demm.
Jien protetta matul il-waqfa mingħajr stikka?
Iva, inti protetta. Jista' jkun li ma jkollokx bżonn ġranet ta' waqfa u tkompli bl-istikka mingħajr waqfiet.
Meta nista' nibda l-istikka?
Tista' tibda tuża l-istikka fi kwalunkwe ġurnata li trid jekk ma tkunx tqila. Jekk tibda l-istikka kontraċettiva:
- Fl-1 jum tal-mestruwazzjoni tiegħek - inti protetta mit-tqala immedjatament.
jew
- Mill-1 jum tal-mestruwazzjoni sal-5 jum tal-mestruwazzjoni - inti protetta mit-tqala immedjatament. Madankollu, huwa rrakkomandat li titkellem mat-tabib tiegħek u li tieħu parir dwar jekk għandekx bżonn ta' kontraċezzjoni addizzjonali minħabba ċ-ċiklu tiegħek.
jew
- Fi kwalunkwe ħin fil-mestruwazzjoni tiegħek - għandek bżonn ta' kontraċezzjoni addizzjonali (eż. kondoms) għall-ewwel 7 ijiem ta' użu tal-istikka.
X'jiġri jekk l-istikka tinqala' jew titwaħħal ħażin?
L-istikka kontraċettiva għandha tibqa' mwaħħla, anki wara doċċa, banju, banju sħun, sawna, jew għawma. Hija teħel ħafna. Jekk tinqala', għandek tikkunsidra:
- Kemm-il ġurnata damet imwaħħla l-istikka qabel ma nqalgħet.
- Kemm ilha maqlugħa.
Xenarju 1:
Jekk ilha inqas minn 48 siegħa jew tħalliet imwaħħla sa 48 siegħa aktar milli suppost.
- Waħħalha lura malajr kemm jista' jkun (jekk tkun għadha teħel).
- Jekk ma teħilx, neħħi l-qadima u waħħal stikka ġdida oħra. Tippruvax iżżommha f'postha bi stikka jew faxxa.
- Jekk kont biha għal 7 ijiem qabel ma nqalgħet, inti protetta kontra t-tqala. Sakemm l-istikka ntużat kif suppost.
- Iżda, jekk kont biha 6 ijiem jew anqas, għandek tuża kontraċezzjoni addizzjonali (bħal kondoms) għal ġimgħa oħra.
Xenarju 2:
Jekk tkun ilha maqlugħa għal 48 siegħa JEW l-istikka tħalliet imwaħħla għal 48 siegħa jew aktar milli suppost jew ma tiftakarx kemm ilha hemm, applika stikka ġdida mill-aktar fis possibbli u ibda mill-Jum numru 1 (bħala ċiklu ġdid). Uża kontraċezzjoni addizzjonali għas-7 ijiem li jmiss jew evita s-sess.
Jekk imissek tibda waqfa mingħajr stikka fis-7 ijiem li ġejjin, aqbiżha.
X'inhuma l-vantaġġi tal-istikka kontraċettiva?
- M'għandekx għalfejn taħseb dwarha kuljum, anki jekk qed tirremetti jew għandek id-dijarea.
- Tista' tilbisha fil-banju, meta tgħum jew waqt li tkun qed tipprattika l-isport.
- Tnaqqas mestruwazzjoni qawwiija jew bl-uġigħ - tagħmel il-mestruwazzjoni aktar regolari.
- Faċli ħafna biex tużaha.
- Ma tinterrompix is-sess.
- Tista' tgħin fis-sintomi ta' qabel il-mestruwazzjoni.
- Tnaqqas ir-riskju ta' kanċer tal-ovarji, tal-utru u tal-imsaren.
- Tnaqqas ir-riskju ta' fibrojdi, ċesti fl-ovarji u mard tas-sider mhux kanċeruż.
X'inhuma l-iżvantaġġi tal-istikka kontraċettiva?
- Tista' tkun tidher.
- Tista' tikkawża irritazzjoni u wġigħ fil-ġilda.
- Uġigħ ta' ras temporanju, dardir, sensittività fis-sider u bidliet fil-burdata.
- Dmija irregolari.
- Xi mediċini jistgħu jagħmlu l-istikka inqas effettiva (kellem lit-tabib tiegħek qabel kwalunkwe tieħu mediċina ġdida li tista' tinteraġixxi mal-istikka kontraċettiva tiegħek).
- Trid tiftakar tibdel l-istikka kull ġimgħa.
X'inhuma r-riskji tal-istikka kontraċettiva?
Ir-riskji kollha għandhom jiġu diskussi mat-tabib tiegħek qabel tibda kontraċettiv ġdid. Hemm riskju għoli ta' embolu tad-demm (trombożi tal-vini fondi/fl-arterji) jekk:
- Hija l-ewwel sena li tuża l-istikka.
- Tpejjep.
- Għandek piż żejjed.
- Ma tistax tiċċaqlaq (immobbli) jew tuża siġġu tar-roti.
- Għandek vini varikużi severi.
- Għandek id-dijabete.
- Tbati minn migranja.
- Membru mill-qrib tal-familja kellu attakk tal-qalb, puplesija jew embolu tad-demm qabel l-età ta' 45 sena.
Ir-riċerka tissuġġerixxi wkoll li dawk li jużaw stikka kontraċettiva huma f'riskju ftit ogħla ta' kanċer tas-sider u kanċer tal-għonq tal-utru.
Importanti li tkellem lit-tabib tiegħek malli tħoss dawn is-sintomi li ġejjin:
- Uġigħ fis-sider.
- Nefħa bl-uġigħ f'riġlejk.
- Dgħufija u tnemnim fid-driegħ jew fir-riġel.
- Uġigħ ta' ras jew migranja mhux tas-soltu.
- Ma tibdiex tinftiehem f'daqqa waħda jew diffikultajiet oħra biex titkellem.
- Problemi fil-vista.
N.B. dejjem għid li qed tuża stikka kontraċettiva lit-tabib tiegħek anki f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.
Min jista' juża l-istikka?
Mhux kulħadd jista' juża l-istikka. It-tabib tiegħek għandu jkun jaf l-istorja medika tiegħek u informazzjoni oħra relatata mal-mard. Jekk m'għandekx xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin jew xi raġunijiet mediċi oħra, tista' tagħmel użu mill-istikka. Iżda, l-istikka tista' ma tkunx adattata għalik jekk:
- Tpejjep u għandek aktar minn 35 sena.
- Għandek 35 sena jew aktar u waqaft tpejjep inqas minn sena ilu.
- Għandek piż żejjed jew tiżen aktar minn 90kg.
- Qed tieħu ċerti mediċini.
- Qed tredda' tarbija ta' anqas minn 6 ġimgħat.
- Inti immobbli għal perjodu twil ta' żmien (bħall-użu ta' siġġu tar-roti).
- Tkun f'altitudni għolja (aktar minn 4,500 m) għal aktar minn ġimgħa.
- Għandek/kellek jew xi membru immedjat tal-familja tiegħek kellu:
- Trombożi fil-vina jew fl-arterja qabel l-età ta' 45 sena.
- Għandek mard tal-qalb jew puplesija.
- Għandek anormalitajiet tal-qalb.
- Għandek pressjoni għolja.
- Għandek problemi fiċ-ċirkolazzjoni.
- Għandek awra ta' emigranja.
- Għandek kanċer tas-sider jew għandek ġene li hu assoċjat ma' kanċer tas-sider.
- Għandek id-dijabete b'kumplikazzjonijiet.
Nista' nara d-demm meta nibda l-istikka kontraċettiva?
Iva, id-dmija hija komuni ħafna fil-bidu. Ara li qed tuża l-istikka skont l-istruzzjonijiet. Jekk qed tara dmija aktar min-normal jew jekk hija xi ħaġa li m'intix komda biha, kellem lit-tabib tiegħek.
Nista' naqleb għal metodu ieħor ta' kontraċezzjoni?
Iva, iżda preferibbilment għandek ittemm iċ-ċiklu tal-istikka. Jekk ma tridx tistenna sakemm jgħaddi dan iż-żmien kellem lit-tabib tiegħek għal parir u gwida kif xieraq.
Nista' ninqabad tqila meta nneħħi l-istikka kontraċettiva?
Meta tieqaf tuża l-istikka, il-fertilità terġa' lura għal dik li hija normali għalik. Jista' jkun li ma jkunx hemm mestruwazzjoni minnufih, iżda din għandha tiġi lura wara ftit xhur.
Nista' nuża stikka kontraċettiva wara korriment?
Tista' tapplika l-istikka kontraċettiva immedjatament wara korriment.
Għadni kif kelli tarbija. Meta nista' nibda l-istikka kontraċettiva?
Normalment tista' tibda tuża l-istikka, mill-21 jum wara li kellek it-tarbija jekk m'intix tredda'. Jekk bdejt wara 21 jum, għandek bżonn kontraċezzjoni addizzjonali bħal kondoms biex jipproteġuk mit-tqala jew evita s-sess għal kollox għas-7 ijiem li jmiss. Iċ-ċirku jista' jaffettwa l-produzzjoni tal-ħalib tas-sider tiegħek. Għalhekk, m'għandekx tibda l-istikka qabel ma t-tarbija jkollha 6 ġimgħat.
Se nżid fil-piż?
Ir-riċerka ma turix li tiżdied fil-piż bi stikka kontraċettiva. Żieda fil-piż tista' tkun minħabba żamma ta' fluwidu u raġunijiet oħra li m'għandhomx x'jaqsmu mal-użu tal-istikka.
Kemm għandi mmur għal vista ta' spiss?
It-tabib tiegħek se jiggwidak meta jkun l-appuntament li jmiss tiegħek. It-tabib tiegħek jista' jkollu bżonn jiċċekkjalek il-pressjoni tad-demm u l-piż darba fis-sena.
Madankollu, tistenniex sal-appuntament li jmiss jekk:
- Taħseb li tista' tkun tqila.
- Jista' jkollok STI jew HIV/AIDS.
- Għandek uġigħ qawwi fin-naħa t'isfel taż-żaqq.
- Għandek dmija jew sintomu ieħor imsemmi fir-riskji tal-istikka kontraċettiva.
Jekk għandi l-istikka kontraċettiva, jiena protetta minn Infezzjonijiet Trażmessi Sesswalment?
Le, il-kondoms tal-irġiel u tan-nisa biss (meta jintużaw b'mod korrett u konsistenti) jipproteġuk mill-STIs.