Apparat ta’ Ġol-Utru (ram)

X'inhu IUD?
L-apparat ta' ġol-utru huwa oġġett imdaħħal mill-kanal tal-għonq tal-utru minn tabib u jitqiegħed fl-utru biex jevita t-tqala. Għandu l-ħjut li jiddendlu 'l isfel mill-vaġina, u l-mara tista' tħosshom b'subgħajha biex tiżgura li l-apparat ikun imqiegħed sewwa.

 



Kif jaħdem l-IUD?
L-IUDs differenti huma liċenzjati biex jitħallew ġewwa l-utru għal perjodi li jvarjaw minn 5 snin sa 10 snin (skont it-tip ta' IUD). L-IUD hu bħas-sistema ta' ġol-utru (IUS) iżda minflok ma jirrilaxxa l-ormon proġestoġen bħall-IUS, l-IUD jirrilaxxa r-ram fil-ġuf. L-IUD jipprevjeni t-tqala billi:

  • Jdgħajjef il-vijabilita tal-isperma u l-bajda għax ibiddel il-fluwidi tat-tubu Fallopjan u tal-utru. Dan inaqqas il-possibbiltà li l-bajda u l-isperma jiltaqgħu, u b'hekk jimpedixxi l-fertilizzazzjoni.
  • Ibiddel il-mukus tal-għonq tal-utru, u jagħmilha diffiċli biex embriju jiġi impjantat.


Kemm hawn IUDs disponibbli?
Hemm aktar minn 10 tipi differenti ta' IUDs tar-ram disponibbli. Hemm ukoll is-sistema ta' ġol-utru (IUS) li taħdem bl-ormon (proġestoġen), għandha inqas effetti sekondarji, iżjed effikaċja u sservi sa 10 snin.

Id-deċiżjoni liema IUD jiddaħħal tiddependi fuq il-mara u d-daqs tal-utru tagħha.

Kemm hu effettiv l-IUD?
L-IUD huwa bejn 98% sa kważi 100% effettiv fil-prevenzjoni tat-tqala, skont it-tip tal-apparat. L-IUDs l-aktar riċenti għandhom rati ta' falliment ta' inqas minn 1 għal kull 100 wara sena ta' użu.

Meta jista' jkolli IUD imdaħħal?
Tista' tibda kwalunkwe ġurnata taċ-ċiklu mestruwali jekk il-fornitur tal-kura tas-saħħa jkun ċert li m'intix tqila.

Kif jitwaħħal?

  • Il-tabib tiegħek se jiċċekkjalek il-vaġina biex jiċċekkja l-utru u d-daqs tal-ġuf tiegħek.
  • Jista' jkollok bżonn ta' test ta' smear, jiċċekkjak għal infezzjonijiet eżistenti (STIs) u jikkurak kif xieraq.
  • L-inserzjoni tal-IUD m'għandhiex tieħu aktar minn 5 minuti.
  • L-IUD jiddaħħal permezz tal-għonq tal-utru għal ġol-utru (il-vaġina tinżamm miftuħa biex jiddaħħal).
  • Jista' jkun li tħoss uġigħ bħal matul il-mestruwazzjoni u bugħawwieġ wara l-inserzjoni għal ftit jiem. Tista' tieħu wkoll mediċini li jtaffu l-uġigħ jekk ikollok bżonn.


Kif inkun naf li għadu f'postu?

  • L-IUD għandu żewġ ħjut irqaq li jiddendlu 'l isfel mill-utru tiegħek, fuq il-vaġina tiegħek.
  • Tista' titgħallem tħoss dawk il-ħjut u tiċċekkja li jkunu f'posthom.
  • Jekk taħseb li l-IUD inqala' jew mhux qiegħed f'postu l-aħjar tuża aktar protezzjoni (bħal kondoms) kontra t-tqala matul is-sess.


Nista' ninqabad tqila meta nneħħi l-IUD?
L-IUD jista' jitneħħa fi kwalunkwe ħin jekk mara tkun trid toħroġ tqila. L-IUD jitneħħa minn tabib li jara l-ħjut tal-IUD fil-vaġina u jiġbed l-IUD bil-mod 'il barra. Normalment huwa rrakkomandat li l-IUDs jitneħħew sena wara l-menopawsa.

X'inhuma l-vantaġġi tal-IUD?

  • Effettiv mill-ewwel.
  • Ma jittiħdux mediċini.
  • Jista' jitneħħa u effettiv ħafna.
  • Ma jfixkilx l-att sesswali.


X'inhuma l-iżvantaġġi tal-IUD?

  • Mestruwazzjoni qawwija u fit-tul.
  • Uġigħ mestruwali eċċessiv.
  • Żieda żgħira fir-riskju ta' tqala ektopika jekk ikun hemm falliment tal-IUD.
  • Żieda fir-riskju ta' infezzjoni fil-pelvi.
  • Espulsjoni tal-IUD.
  • Perforazzjoni tal-utru, l-imsaren, u l-bużżieqa tal-awrina.
  • Pożizzjoni ħażina tal-IUD.
  • Tqala kkawżata minn espulsjoni, perforazzjoni, jew pożizzjoni ħażina.


X'inhuma r-riskji tal-IUD?

  • Infezzjonijiet fil-pelvi.
  • Hemm riskju żgħir li jkollok infezzjoni fl-ewwel 20 jum wara li jkun imdaħħal.
  • Thrush. Tista' tesperjenza t-thrush xi kultant. Kellem lit-tabib tiegħek jekk għandek IUD u tibqa' tesperjenza t-thrush.
  • Espulsjoni.
  • Hemm riskju żgħir li ġismek jista' jimbotta l-IUD 'il barra jew jista' jiċċaqlaq. Dan normalment jiġri hekk kif jitwaħħal.
  • Hemm riskju żgħir ta' tqala ektopika, f'każ li l-IUD ifalli.
  • Ħsara lill-utru. Huwa estremament rari li IUD jista' jtaqqab l-utru waqt l-inserzjoni. Jekk int qed tbati mill-uġigħ, mur għand it-tabib tiegħek immedjatament.


Min jista' juża IUD?
Il-biċċa l-kbira tan-nisa jistgħu jużaw l-IUD, inklużi dawk li huma pożittivi għall-HIV. It-tabib tiegħek jiggwidak skont l-istorja medika tiegħek.

L-IUD jista' ma jkunx adattat għalik f'każ ta':

  • Tqala.
  • Dmija fil-parti ġenitali mhux eżaminata.
  • Każijiet imgħoddija ta' tqala barra mill-utru.
  • Infezzjoni fil-pelvi jew fil-vaġina; wara li tiġi ttrattata, jista' jiddaħħal l-IUD.
  • Anormalitajiet tal-utru li kienu jeżistu mit-twelid (eżempju bicornuate uterus).
  • Allerġija għall-komponenti tal-IUD, eż. ir-ram.
  • Wilson's disease.
  • Tibdil tal-valv tal-qalb jew każijiet imgħoddija ta' endokardite batterjali minħabba riskju akbar ta' infezzjoni.
  • HIV u AIDS minħabba tnaqqis fis-sistema immuni u riskju akbar ta' infezzjoni.


Ir-riskji relattivi jinkludu:

  • Każijiet imgħoddija ta' infezzjoni fil-pelvi.
  • Uġigħ mestruwali eċċessiv u/jew minn perjodi mestruwali qawwija u fit-tul.
  • Fibrojdi u endometrijożi.


X'għandek tiftakar:

  • It-tip ta' IUD tiegħek.
  • Meta għandu jitneħħa l-IUD.


Nista' nara d-demm meta nibda l-IUD?
Bidliet fid-dmija u bugħawwieġ huma komuni. Mur għand it-tabib tiegħek jekk dawn il-bidliet qed idejquk.

Kif inkun naf jekk għandix infezzjoni?

  • Ikollok uġigħ fin-naħa t'isfel taż-żaqq.
  • Ikollok temperatura għolja.
  • Ikollok tisfira tinten.


Nista' naqleb għal metodu ieħor ta' kontraċezzjoni?
Iva, tista' tibdel għal metodu ieħor ta' kontraċezzjoni kull meta tixtieq. Tkellem mat-tabib tiegħek biex tiddiskuti aktar dwar kwalunkwe metodu affidabbli ieħor.

Jista' jkolli IUD imwaħħal wara korriment?
L-IUD jista' jiddaħħal immedjatament wara korriment.

Għadni kif kelli tarbija. Meta jista' jkolli IUD imdaħħal?
IUD jista' jitwaħħal wara 4 ġimgħat wara li twelled. Se jkollok bżonn ta' kontraċezzjoni alternattiva minn 3 ġimgħat wara t-twelid sakemm jiddaħħal l-IUD. F'ċerti ċirkostanzi l-IUD jista' wkoll jiddaħħal 48 siegħa wara t-twelid.

Huwa sikur li tuża IUD meta tkun qed tredda' u ma jaffettwax il-provvista tal-ħalib tiegħek.

Kemm għandi mmur għal vista ta' spiss?
It-tabib tiegħek se jiggwidak meta jkun l-appuntament li jmiss tiegħek. Madankollu, tistenniex sal-appuntament li jmiss jekk:

  • Qbiżt mestruwazzjoni, jew taħseb li tista' tkun tqila.
  • Jista' jkollok STI jew HIV/AIDS.
  • Il-ħjut tal-IUD jidhru li biddlu t-tul tagħhom jew m'għadhomx hemm.
  • Għandek uġigħ qawwi fin-naħa t'isfel taż-żaqq.


Jekk għandi l-IUD, jien protetta minn Infezzjonijiet Trażmessi Sesswalment?
Le, il-kondoms tal-irġiel u tan-nisa biss (meta jintużaw b'mod korrett u konsistenti) jipproteġuk mill-STIs.