Sterilizzazzjoni Maskili

 

X'inhi l-isterilizzazzjoni maskili (vażektomija)?
Il-proċedura kirurġika hija magħrufa bħala vażektomija u tista' ssir bil-loppju lokalizzat jew ġenerali.

Kif taħdem il-vażektomija?
Issir qatgħa jew tnejn fuq kull naħa tal-iskrotu biex ikun lokalizzat il-vas deferens. Meta jinqata' l-vas deferens l-isperma ma tkunx tista' toħroġ u r-raġel isir infertili ladarba l-vas deferens jitbattal mill-isperma, li jieħu madwar 3 xhur. Għalhekk, se tkun meħtieġa kontraċezzjoni alternattiva għal madwar 3 xhur wara l-proċedura. Wara li jkun hemm żewġ okkażjonijiet infila li fihom ma tidhirx sperma fertili, l-użu tal-metodu l-ieħor ta' kontraċezzjoni jista' jitwaqqaf.

Kemm hija effettiva l-vażektomija?
Il-vażektomija hija forma effettiva ħafna ta' kontraċezzjoni. Ir-rata immedjata ta' falliment tagħha hija ta' 1 minn kull 1000; l-aħħar rata ta' falliment hija ta' bejn 1 minn kull 3000 u 1 minn kull 7000. Għalkemm rari ħafna, vażektomiji jistgħu jfallu, u huwa maħsub li dan jiġri minħabba li l-vas deferens jerġa' jifforma.

Kif issir il-vażektomija?
Il-vażektomija tinvolvi l-qtugħ tal-vas deferens, li huwa t-tubu li jġorr l-isperma mill-epididimi fit-testikoli għall-vesikoli seminali.
Hemm żewġ tipi ta' vażektomija:

  • Vażektomija konvenzjonali bl-użu ta' sikkina.
  • Vażektomija mingħajr l-użu ta' sikkina (ligatura).

 

 

Vażektomija konvenzjonali

  • It-tabib tiegħek jaqta' 2 inċiżjonijiet żgħar b'sikkina t-tnejn fl-iskrotu tiegħek biex jintlaħqu t-tubi (li jġorru l-isperma tat-testikoli - vas deferens).
  • Kull tubu jinqata' u titneħħa parti żgħira. It-truf tat-tubi mbagħad jingħalqu, jew billi jintrabtu jew billi jiġu ssiġillati.
  • Il-punti jitħietu (punti li jinħallu).

Vażektomija mingħajr l-użu ta' sikkina

  • It-tabib tiegħek jagħmel toqob żgħar fl-iskrotu tiegħek biex jilħaq it-tubi.
  • B'dan il-mod, jista' jħoss kull waħda mill-vas deferens tiegħek taħt l-iskrotu u jew jaqtagħhom jew jagħmel irbit biex jinżammu f'posthom.
  • M'hemmx bżonn punti f'din il-proċedura.

Qabel l-operazzjoni
Il-vasektomija teħtieġ konsulenza, preferibbilment maż-żewġ partijiet tal-koppja, peress li din hija deċiżjoni li se taffettwa liż-żewġ partijiet għal dejjem. Peress li dan huwa metodu permanenti ta' kontraċezzjoni, il-koppja għandha tkun ċerta mid-deċiżjoni tagħha, u konxja li dan huwa diffiċli ħafna biex jitreġġa' lura. Ir-riversibilita ta' vażektomija hija aktar faċli mir-riversibilità ta' sterilizzazzjoni femminili. Matul il-konsulenza l-koppji ta' spiss jintalbu jikkunsidraw ċerti xenarji, pereżempju x'jaħsbu jekk is-sieħba tagħhom tmut, ikunu jridu jkollhom tfal ma' xi ħadd ieħor? Jew jekk wieħed mit-tfal tagħhom imut, ikunu jixtiequ aktar tfal? Jekk ma kellhomx tfal, hemm ċans li jistgħu jbiddlu ħsiebhom? Xi drabi l-koppji ma jkunux qiesu l-possibbiltà ta' avvenimenti ewlenin f'ħajjithom u l-effetti tagħhom, u waqt il-konsulenza jiddeċiedu li jieħdu din id-deċiżjoni permanenti aktar tard.

Wara l-operazzjoni

  • Wara l-operazzjoni: Huwa komuni li jkollok xi ftit skumdità, nefħa u tbenġil tal-iskrotu wara l-vażektomija. Xi demm jista' jkun ukoll preżenti fis-semen tiegħek fl-ewwel ftit eġakulazzjonijiet. Għall-ewwel tista' tilbes ħwejjeġ ta' taħt issikkati għall-appoġġ matul il-ġurnata u billejl.
  • Xogħol u attivitajiet: Tirkupra kompletament fi żmien ġimgħa mill-proċedura, li matulha l-persuna tingħata istruzzjonijiet biex tieħu l-affarijiet bil-mod u tevita li tqandel affarijiet tqal, li tagħmel eżerċizzju fiżiku qawwi u li tagħmel att sesswali.
  • Iġjene: It-tabib tiegħek se jiggwidak meta tkun tista' tieħu banju jew doċċa wara l-operazzjoni tiegħek.
  • Att sesswali: Tista' terġa' tagħmel is-sess hekk kif tħossok komdu. Trid tuża kontraċezzjoni addizzjonali għat-8 sat-12-il ġimgħa li jmiss. Dan importanti minħabba li se jibqa' xi ftit mis-semen fil-vas deferens tiegħek (it-tubi). Ħafna drabi l-irġiel jinkwetaw fuq il-ħila tagħhom li jżommu erezzjonijiet u jkollhom kopulazzjoni sesswali wara l-vażektomija. Xi rġiel jaraw il-vażektomija bħala kastrazzjoni u jinkwetaw li l-ħila tagħhom li jiffunzjonaw bħala raġel se tkun indebolita. Iżda, il-vażektomija ma taffettwax il-libido, l-erezzjonijiet, jew l-orgażmu, u l-eġakulazzjoni se tkun l-istess, imma ma jibqax ikun fiha sperma.
  • Effett u relazzjoni psikoloġiċi: Wara l-vażektomija, xi rġiel jistgħu jesperjenzaw mumenti ta' dwejjaq minħabba t-telfien tal-fertilità tagħhom u għax jaħsbu li tilfu s-sesswalità. Dan jiddependi minn kif iħossu r-raġel bid-deċiżjoni li jkun ħa; jekk iħoss li kien sfurzat jew imġiegħel jieħu d-deċiżjoni, jista' jħoss rabja u dwejjaq fuq it-telfien tiegħu. Min-naħa l-oħra, xi rġiel jaraw il-vażektomija bħala l-opportunità tagħhom li jagħmlu xi ħaġa, speċjalment wara li s-sieħba tagħhom kellha t-tfal. Dan jista' jtejjeb ir-relazzjoni tagħhom u jressaqhom aktar qrib xulxin, u jnaqqas l-ansjetà fuq aktar tqala 'l quddiem.

Xi kunsiderazzjonijiet mediċi oħra wara l-operazzjoni

  • Żieda fit-temperatura, uġigħ jew nefħa minħabba infezzjoni.
  • Ematoma u tbenġil minħabba dmija interna.
  • Uġigħ u nefħa jekk l-isperma toħroġ fit-tessut tal-madwar (granuloma tal-isperma).


Il-vażektomija hija riversibbli?
Ir-riversibbiltà ta' vażektomija mhux faċli u mhux dejjem taħdem. Importanti li tifhem dan qabel tmur għal din il-proċedura, kun żgur li tifhem li din tista' ma tkunx riversibbli u ma jkunx jista' jkollok tfal fil-futur.

Min jista' jagħmel vażektomija?
Il-biċċa l-kbira tal-irġiel jistgħu jagħmlu vażektomija. Iżda, din tista' ma tkunx adattata għalik, jekk għandek jew kellek:

  • Diżabilità fiżika serja.
  • Problemi fis-sistema tal-awrina.
  • Problemi fir-relazzjoni.
  • Nuqqas ta' deċiżjoni minn wieħed mill-koppja.


X'inhuma l-vantaġġi?

  • Effettività għolja fil-prevenzjoni tat-tqala.
  • Tneħħija tal-ansjetà ta' tqala mhux ippjanata.
  • Proċedura sikura u sempliċi.
  • Ma taffettwax l-ormoni tiegħek, ix-xewqa sesswali jew l-interferenza fis-sess.


X'inhuma l-iżvantaġġi?

  • Meħtieġa kontraċezzjoni alternattiva sakemm jinkisbu żewġ eġakulazzjonijiet infila mingħajr sperma.
  • Ikun hemm bżonn ta' operazzjoni żgħira.
  • Ikun hemm bżonn tal-loppju lokalizzat jew ġenerali.
  • Mhux riversibbli faċilment.
  • Ma tipproteġikx kontra l-STIs.
  • Rarament, it-tubi tal-vas deferens jistgħu jerġgħu jingħaqdu, iżda dan rari ħafna.


X'inhuma r-riskji?

  • Nefħa.
  • Tbenġil.
  • Fsada ġewwa l-iskrotu.
  • Demm fis-semen.
  • Infezzjoni.
  • Akkumulazzjoni rari ta' fluwidu fit-testikoli, uġigħ kroniku.
  • Tqala - rari ħafna li vażektomija titfejjaq, u s- sieħba sesswali tiegħek tista' tkun f'riskju li toħroġ tqila jekk ma tkunx intużat kontraċezzjoni addizzjonali.


Kemm għandi mmur għal vista ta' spiss?
It-tabib tiegħek se jiggwidak meta jkun l-appuntament li jmiss tiegħek.

Madankollu, tistenniex sal-appuntament li jmiss jekk:

  • Taħseb li tista' tkun tqila.
  • Jista' jkollok STI jew HIV/AIDS.
  • Għandek uġigħ qawwi fin-naħa t'isfel taż-żaqq.
  • Dmija eċċessiva.


Jekk għamilt vażektomija, jiena protett minn Infezzjonijiet Trażmessi Sesswalment?
Le, il-kondoms tal-irġiel u tan-nisa biss (meta jintużaw b'mod korrett u konsistenti) jipproteġuk mill-STIs.