Żika

X'inhi ż-Zika?
Iż-Zika tiġi trażmessa mill-gdim tan-nemus Aedes. Dawn jigdmu kemm binhar kif ukoll billejl. Sal-lum iż-Zika mhix preżenti fil-gżejjer Maltin, għalkemm in-nemus huwa preżenti. Tista' tieħu ż-Zika meta żżur pajjiżi fejn iż-Zika hija endemika.

Tiġi kkawżata mill-virus Zika, imsemmi għall-foresta Zika fl-Uganda, fejn ġie skopert inizjalment.

 

 



Kif nista' nnaqqas ir-riskju tiegħi għaż-Zika?
Tinsab f'riskju jekk ivvjaġġajt jew se tkun qed tivvjaġġa lejn pajjiżi li tista' tara liema huma permezz tal-mappa f'din il-ħolqa: https://wwwnc.cdc.gov/travel/page/zika-information

Fil-pajjiżi msemmija, kien hemm rapporti preċedenti ta' tifqigħat taz-Zika.

In-nemus Aedes jinsab f'pajjiżi oħra, fosthom Malta, iżda ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta' Zika. In-nemus Aedes ma jinsabx fil-pajjiżi kollha.

Tista' tnaqqas ir-riskju li tieħu ż-Zika permezz ta':

  • Prevenzjoni waqt l-Ivvjaġġar.
  • Ir-repellenti tan-nemus għandhom jiġu applikati biex jipproteġuk mill-gdim. Jeżistu diversi tipi ta' repellenti, pereżempju DEET, Picaridin (jekk għandek allerġija għad-DEET), eċċ. Importanti li ssegwi l-istruzzjonijiet tal-manifattur dwar kif għandhom jiġu applikati biex ir-repellent ikun effettiv. Il-manifattur jagħti wkoll parir dwar l-applikazzjoni mill-ġdid. Ir-repellenti tan-nemus ma għandhomx jiġu applikati direttament fuq il-ġilda taħt il-ħwejjeġ u għandhom jiġu applikati wara l-protezzjoni kontra x-xemx (sunscreen), jekk jintuża. L-użu tar-repellenti tal-insetti fuq trabi taħt ix-xahrejn mhuwiex rakkomandabbli. Huwa rrakkomandat li l-ħwejjeġ u l-bqija tal-affarijiet li jkollok jiġu ttrattati b'repellenti tal-insetti skont kif dirett mill-manifattur.


Rakkomandazzjonijiet:

  • Ilbes kmiem twal u qalziet u tilbisx kuluri jgħajtu minħabba li dawn jattiraw in-nemus.
  • Jekk possibbli, ibqa' fi kmamar bl-arja kondizzjonata.
  • Qiegħed nemusieri jew ħsajjar tax-xibka mal-bibien u t-twieqi.
  • Orqod taħt xibka għal kontra n-nemus, jekk possibbli.


Prevenzjoni waqt is-Sess
Importanti li tilbes kondom waqt l-attività sesswali peress li l-virus taż-Zika ġie ddokumentat li jkun preżenti fis-semen. Dan importanti speċjalment jekk is-sieħba tiegħek tkun tqila, peress li l-virus jista' jiġi trażmess mill-omm għat-tarbija fil-ġuf.

Huwa rrakkomandat li tuża l-kondoms, jekk tkun asintomatiku/a u tkun żort wieħed mill-pajjiżi fejn tkun ġiet irrapportata ż-Zika, għal mill-inqas tmien ġimgħat wara li terġa' lura minn dan il-pajjiż. Jekk kellek sintomi, huwa rrakkomandat li tuża l-kondoms għal mill-inqas sitt xhur wara li tirritorna minn pajjiż affettwat miż-Zika.

Trasfużjoni tad-demm
Huwa rrakkomandat ukoll li d-demm ma jingħatax għal mill-inqas 28 jum wara r-ritorn minn pajjiż affettwat miż-Zika.

Kif teħodha ż-Żika?

  • Mil-gdim tan-nemus.
  • Mis-sess.
  • Minn omm tqila għat-tarbija tagħha li tkun għadha fil-ġuf.
  • Possibbilment permezz ta' trasfużjoni tad-demm (għadhom għaddejjin aktar studji).


X'inhuma s-sintomi taż-Zika?
Jista' jkun li ma jkollok l-ebda sintomu.

Is-sintomi jistgħu jinkludu:

  • Deni.
  • Uġigħ ta' ras.
  • Raxx.
  • Uġigħ fil-ġogi.
  • Uġigħ fil-muskoli.
  • Għajnejn ħomor.

Is-sintomi ġeneralment idumu għal ftit jiem jew saħansitra għal ġimgħa. Il-biċċa l-kbira tal-persuni infettati biż-Zika ma juru l-ebda sintomu.

Kif nista' niskopri għandix iż-Zika?
Billi jkollok test tad-demm speċifikament għaż-Zika, jew xi drabi tista' tintalab li l-awrina tiegħek tiġi ttestjata. It-tabib tiegħek jista' jistaqsi jekk tlaqqamtx kontra virus ieħor tal-istess familja tal-virus Zika, eż.: dengue, deni tan-Nil tal-Punent (West Nile fever), Enċefalite Ġappuniża, peress li dawn jistgħu jaffettwaw ir-riżultat tiegħek.

Meta għandi niġi ttestjat/a?
Jekk ivvjaġġajt lejn pajjiżi fejn l-infezzjoni taż-Zika hija endemika u tkun żviluppajt sintomi.

Kif tiġi ttrattata ż-Zika?
Il-kura tingħata biex jiġu kkontrollati s-sintomi, u ma jkun hemm l-ebda trattament speċifiku. Importanti li tixrob il-fluwidi sabiex iżżomm idratazzjoni tajba. Jekk għandek deni u/jew uġigħ, huwa importanti li tieħu l-paracetamol, u tevita l-aspirina jew antiinfjammatorji mhux sterojdali (NSAIDs) oħra, speċjalment jekk ma tkunx taf għandekx iż-Zika jew possibbilment infezzjonijiet oħra bħad-Dengue. Jekk għandek raxx li qed jieklok, ikkonsulta lit-tabib tiegħek biex jippreskrivilek antistamina. Importanti wkoll li tistrieħ kemm jista' jkun. Huwa rari ħafna li l-pazjenti jkunu jeħtieġu jidħlu l-isptar.

Nisa tqal
Jekk int tqila, u vvjaġġajt lejn xi wieħed mill-pajjiżi msemmija hawn fuq, anki jekk m'għandekx sintomi, jew qed tippjana li żżur wieħed minn dawn il-pajjiżi, huwa importanti li titkellem mal-ġinekologu tiegħek.

Nista' nerġa' nieħu ż-Zika wara li nkun fiqt?
Le, ġeneralment il-persuni li ġew infettati biz-Zika jsiru immuni għal għomorhom.

X'inhuma l-kumplikazzjonijiet taż-Zika jekk ma tiġix ittrattata?
Jekk int tqila, l-effetti fuq it-tarbija fil-ġuf jistgħu jirriżultaw fi ħsara serja, inkluża l-mikroċefalija, minbarra ħsara oħra fil-moħħ. Dan jista' jwassal ukoll għal korriment, twelid tat-tarbija mejta, eċċ.
Is-sindromu Guilllain-Barre ġie rrappurtat f'xi pazjenti.

Aktar informazzjoni u għajnuna

  • Kellem lit-tabib tiegħek.
  • Jekk int tqila, kellem lill-ġinekologu tiegħek.
  • Kellem Konsulent dwar il-Mard Infettiv.
  • Ċempel lill-ĠU Clinic fuq 25457494/1 għal appuntament.


Referenzi:

https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/zika-virus

https://www.ecdc.europa.eu/en/zika-virus-disease

https://www.cdc.gov/zika/index.html

https://wwwnc.cdc.gov/travel/page/zika-information (aċċessat it-18/06/2020)