Granuloma Genitalium

X'inhi Granuloma Inguinale?
Il-granuloma inguinale hija infezzjoni trażmessa sesswalment li hija kkawżata mill-batterju Klebsiella granulomatis.

X'inhuma s-sintomi tal-Granuloma Inguinale?

  • Għall-ewwel, ikollok ponta jew boċċa fuq il-ġilda. Din il-ferita ġeneralment tkun żgħira u mingħajr uġigħ u tista' faċilment ma tiġix innutata.
  • Jistgħu jiżviluppaw ulċeri fuq il-ġenitali jew iż-żona madwar il-ġenitali. Dawn ikunu ħomor u jista' joħroġ id-demm minnhom.
  • L-infezzjoni tista' tinfirex mal-organi addominali, l-għadam jew il-ħalq. Il-feriti jistgħu wkoll jiżviluppaw infezzjoni sekondarja u jistgħu jeżistu flimkien ma' STIs oħra.
  • Il-feriti anali jew tal-ħalq jistgħu jkunu wkoll karatteristika jekk ikun hemm dawn iż-żoni involuti matul is-sess. Madankollu, il-feriti anali u fil-ħalq huma wkoll inqas komuni.


X'inhuma l-fatturi ta' riskju għal Granuloma Inguinale?

  • Tkun f'riskju akbar li tiżviluppa Granuloma Inguinale jekk tkun attiv/a sesswalment u kellek kuntatt sesswali ma' individwi minn reġjuni tropikali fejn l-infezzjoni hija l-aktar preżenti
  • L-irġiel li jkollhom sess mal-irġiel huma wkoll f'riskju akbar li jiżviluppaw l-infezzjoni
  • L-infezzjoni hija komuni fil-Ginea l-Ġdida (New Guinea), il-Guyana, ix-Xlokk tal-Asja, u xi partijiet tal-Awstralja


Kif jista' t-tabib tiegħi jikkonferma l-Granuloma Inguinale?
It-tabib tiegħek jista' jwettaq testijiet li jistgħu jikkonfermaw il-preżenza ta' dan il-batterju. Id-dijanjożi tista' teħtieġ bijopsija. Dan jinvolvi t-teħid ta' kampjuni minn parti żgħira taż-żona infettata. Ladarba titneħħa din il-parti tal-ġilda, il-kampjun jiġi ttestjat għall-preżenzatal-batterji Klebsiella granulomatis. It-testijiet jistgħu jitwettqu wkoll billi tinbarax iż-żona infettata u jsiru aktar testijiet fuq il-kampjun.

Il-granuloma Inguinale hija assoċjata ma' STIs oħra wkoll - Jista' jkun ta' benefiċċju li tiġi wkoll ttestjat/a għal STIs oħra potenzjalment infettivi, għax dawn jistgħu jkunu asintomatiċi iżda xorta jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet jekk jitħallew mhux ittrattati.

Għandi ninforma lis-sħab sesswali tiegħi li għandi granuloma Inguinale?
Jekk kellek sess ma' xi ħadd 60 jum qabel il-bidu tas-sintomi tal-infezzjoni, din il-persuna trid tiġi infurmata kif jeħtieġ biex tiġi eżaminata wkoll u offruta t-terapija.

Hemm kura għall-Granuloma Inguinale?

  • Il-granuloma Inguinale tiġi kkurata bl-antibijotiċi. It-trattament bikri huwa ideali peress li dan jista' jipprevjeni farrett permanenti jew nefħa fiż-żona ġenitali.
  • Wara l-kura, importanti li jsiru testijiet regolari sabiex jiġi żgurat li l-infezzjoni ma terġax isseħħ.


X'inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-Granuloma Inguinale?

  • L-iżvilupp ta' ċelloli anormali li jistgħu jiffurmaw tumur
  • L-infezzjoni tista' tinfirex permezz tad-demm
  • L-infezzjoni tista' tinfirex fl-għadam u tikkawża l-"osteomelite". Dan huwa t-terminu użat biex jiddeskrivi l-infezzjoni tal-għadam
  • Ħruġ anormali ta' demm mill-vaġina
  • Tidjiq ta' l-anus, il-vaġina jew l-uretra


Aktar informazzjoni u għajnuna

  • Kellem lit-tabib tiegħek
  • Ċempel lill-GU Clinic 25457494/1 għal appuntament


Referenzi:

https://www.healthline.com/health/granuloma-inguinale#symptoms-and-stages

https://www.cdc.gov/std/treatment-guidelines/donovanosis.htm

https://www.ncbi.nlm.nih.gov/books/NBK513306/