Kondom tan-Nisa

X'inhu l-kondom tan-nisa?
Il-kondom tan-nisa huwa għant irqiq, artab, wiesgħa u jiġi f'diversi qisien. Il-kondom tan-nisa jipprevjeni l-isperma milli tidħol fil-vaġina billi jaġixxi bħala barriera. Il-kondom tan-nisa hu simili għall-kondom tal-irġiel fl-effikaċja tiegħu biex jevita t-tqala. L-użu konsistenti u korrett tal-kondom tal-lattiċi tan-nisa jnaqqas ir-riskju tat-trażmissjoni ta' infezzjonijiet trażmessi sesswalment. Il-kondom tan-nisa mhux disponibbli f'Malta.

X'inhi l-effikaċja ta' kondom tan-nisa?
Saru biss ftit studji ta' riċerka dwar l-effikaċja tal-kondom tan-nisa, iżda dawn jindikaw li l-effikaċja tvarja minn 79% b'użu tipiku sa 98% b'użu perfett.

 


Kif għandek tuża kondom tan-nisa?
Għandu ċirku fuq ġewwa u fuq barra. Iċ-ċirku ta' ġewwa, li jinsab fit-tarf il-magħluq tal-kondom, jintuża biex jgħin biex jiddaħħal. Iċ-ċirku ta' barra jinsab fit-tarf il-miftuħ tal-kondom u joqgħod ċatt mal-vulva u jgħatti biċċa mill-parti ġenitali ta' barra, u b'hekk joffri aktar protezzjoni kontra l-STIs mill-kondom tal-irġiel.

 


X'inhuma l-kontraindikazzjonijiet għall-użu ta' kondom tan-nisa?

  • Infezzjonijiet preżenti fil-vaġina, fl-għonq tal-utru jew fil-pelvi li l-ewwel jridu jiġu eżaminati u kkurati.
  • Nuqqas ta' ħila mill-klijenta biex tmiss iż-żona ġenitali.


Kif għandek tilbes kondom tan-nisa:
Il-pakkett fih l-istruzzjonijiet. Biex tuża kondom tan-nisa sew, segwi dawn il-passi:

  • Uża kondom kull darba li jkollok x'taqsam sesswalment.
  • Ivverifika d-data tal-iskadenza fuq il-pakkett.
  • Iftaħ u oħroġ il-kondom tan-nisa mill-pakkett b'attenzjoni biex tevita li jitqatta'.
  • Tista' ddaħħal il-kondom meta qiegħda mimduda, billi tinżel ftit b'għarkopptejk mgħawġin jew tpoġġi sieq waħda fuq siġġu.
  • Iċ-ċirku oħxon ta' ġewwa fit-tarf il-magħluq jintuża biex jitqiegħed fil-vaġina u jżomm il-kondom f'postu. Iċ-ċirku rqiq ta' barra jibqa' barra mill-ġisem, u jgħatti l-fetħa vaġinali.
  • Waqt li żżomm in-naħa ta' barra tal-kondom fit-tarf il-magħluq, agħfas il-ġnub taċ-ċirku ta' ġewwa flimkien bis-saba' werrej jew tan-nofs u s-saba' l-kbir u daħħlu fil-vaġina. Qisek qed iddaħħal tampun.
  • Billi tuża subgħajk, imbotta ċ-ċirku ta' ġewwa 'il fuq kemm tista' sakemm iserraħ mal-għonq tal-utru. Il-kondom jespandi b'mod naturali, u jista' jkun li qas tħossu.
  • Ara li l-kondom ma jkunx mibrum. Iċ-ċirku irqiq, ta' barra għandu jibqa' barra mill-vaġina.
  • Tkun idea tajba li tiggwida l-pene tas-sieħeb tiegħek fil-fetħa tal-kondom tan-nisa. Waqqaf l-att sesswali jekk tħoss il-pene jiżloq bejn il-kondom u l-ħitan tal-vaġina jew jekk iċ-ċirku ta' barra jiġi mbuttat fil-vaġina.
  • Biex tneħħih, dawwar bil-mod iċ-ċirku ta' barra u iġbed il-kondom tan-nisa 'l barra mill-vaġina.
  • Armi l-kondom tan-nisa wara li tużah darba. Qatt m'għandek terġa' tuża kondom tan-nisa.


X'inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-kondoms?
Vantaġġi

  • Jagħti kontroll u għażla lin-nisa dwar is-saħħa sesswali tagħhom.
  • Rari ħafna jinqasam.
  • Inqas telf ta' sensittività meta mqabbel ma' kondom tal-irġiel.
  • Magħmul minn materjal ipoallerġeniku u sikur għall-użu ma' nies li huma allerġiċi għal-lattiċi tal-gomma.
  • Il-kondoms tan-nisa ma jiddependux mill-erezzjoni tal-pene biex jiddaħħal u mhemmx għalfejn jitneħħa mill-ewwel wara l-eġakulazzjoni.
  • Għall-kuntrarju tal-kondom tal-irġiel, mhuwiex issikkat jew konstritt.
  • Jipproteġi kontra l-STIs u l-HIV.
  • Jista' jintuża flimkien ma' prodotti bbażati fuq iż-żejt għal-lubrikazzjoni (minbarra ma' kondoms tan-nisa magħmula mil-lattiċi).
  • L-ebda effetti sekondarji sistemiċi.

Żvantaġġi

  • Jitqiesu storbjużi.
  • Mhuwiex ta' pjaċir b'mod estetiku għal ħafna nisa u s-sieħeb tagħhom.
  • Jeħtieġ il-motivazzjoni.
  • Jista' jitqies li jfixkel l-att sesswali.
  • Mhux disponibbli b'mod wiesa' daqs il-kondoms tal-irġiel.


Għandi nuża lubrikant mal-kondom?
Ħafna mill-kondoms jiġu lesti b'lubrikant. Jekk ikun meħtieġ, hu rakkomandat li jintużaw lubrikanti bbażati fuq l-ilma fuq il-kondoms.

Għadni kif kelli tarbija. Nista' nuża kondoms?
Iva, tista' tuża kondoms wara li kellek tarbija.

Nista' nuża kondoms wara korriment?
Iva, il-kondoms jistgħu jintużaw immedjatament wara korriment.