Mycoplasma Genitalium

X'inhi Mycoplasma genitalium?
Mycoplasma genitalium (MG) hija infezzjoni trażmessa sesswalment, ikkawżata mill-batterju Mycoplasma genitalium.

Kif teħodha l-Mycoplasma genitalium?

  • Kulħadd jista' jiġi infettat bil-Mycoplasma genitalium. Hija komuni ħafna u tista' tiġi trażmessa faċilment matul is-sess vaġinali, orali u anali. Tiġi trażmessa permezz ta' kuntatt ġenitali dirett mal-mukoża ġenitali.
  • Ħafna drabi, din l-infezzjoni ma tippreżentax sintomi, iżda tista' tikkawża sintomi uroġenitali kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Normalment il-pazjent ikun asintomatiku wkoll jekk l-infezzjoni tkun fir-rektum.
  • Tista' tgħaddi l-Mycoplasma genitalium lil oħrajn mingħajr ma tkun taf.
  • Tista' tiġi ttrattata u mfejqa.
  • Jekk ma tikkurax il-Mycoplasma genitalium, dan jista' jwassal għal problemi serji ta' saħħa.
  • Anki jekk kellek il-Mycoplasma genitalium qabel, xorta tista' terġa' taqbdek.


Kif nista' nnaqqas ir-riskju tiegħi għal Mycoplasma genitalium?

  • Uża l-kondoms kull darba li jkollok sess.
  • Ittestja kemm ikun hemm bżonn.
  • Illimita n-numru ta' partners tiegħek.
  • Tagħmilx sess jekk tkun fis-sakra jew użajt drogi illeċiti.

N.B. Il-ħasil tal-ġenitali wara s-sess mhux se jipprevjeni l-STIs.

X'inhuma s-sintomi tal-Mycoplasma genitalium?
Tista' ma tkunx taf li għandek il-Mycoplasma genitalium, iżda xorta tista' tkun infettat/a u tgħaddi l-infezzjoni lil sħab sesswali oħra. Bħall-klamidja, il-gonorrea u STIs oħra, il-biċċa l-kbira tan-nies li għandhom din l-infezzjoni ma jkunux jafu. Madankollu, tista' tesperjenza:
Sintomi komuni għall-Irġiel:

  • Ħruq ta' sensazzjoni waqt l-awrina.
  • Tisfija mill-pene.
  • Uġigħ fit-testikoli

Sintomi komuni għan-Nisa:

  • Bidla fil-kulur (għal aħdar oħxon, safrani), riħa, jew żieda tat-tisfija mill-vaġina.
  • Demm bejn period u ieħor.
  • Uġigħ jew demm matul jew wara s-sess vaġinali.
  • Sensazzjoni ta' ħruq waqt l-awrina.
  • Uġigħ jew skumdità fin-naħa t'isfel taż-żaqq.


Kif nista' nsir naf jekk għandix il-Mycoplasma genitalium?

  • Tista' ċċempel lill-GU Clinic fl-Isptar Mater Dei (Livell 2 tal-Outpatients) fuq 25457494/1 għal appuntament.
  • It-tabib jitolbok kampjun tal-awrina, u jistgħu jittieħdu tampuni mill-penis, iċ-ċerviċi, u l-vaġina. Jekk kellek sess orali u/jew anali, jistgħu jittieħdu wkoll kampjuni mill-griżmejn u mill-anus tiegħek.
  • Tista' tiġi ttestjat/a għal STIs oħra peress li jista' jkollok infezzjonijiet oħra trażmessi sesswalment fl-istess ħin.


Meta għandi niġi ttestjat/a?
Jekk għandek xi wħud mis-sintomi u/jew sinjali deskritti, jew kellek kuntatt sesswali ma' xi ħadd li huwa infettat bil-Mycoplasma genitalium.

Kif tiġi kkurata l-Mycoplasma genitalium?
Il-kura għall-MG hija kors ta' pilloli antibijotiċi. Tista' tintalab tattendi l-GU Clinic diversi drabi biex terġa' tittestja u tiċċekkja li l-infezzjoni tiegħek tkun marret.

X'inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-Mycoplasma genitalium, jekk ma tkunx ittrattata?
F'persuni b'karetteristiċi femminili:

  • L-infezzjoni tista' tikkawża kumplikazzjonijiet serji tas-saħħa bħall-Mard Inflammatorju Pelviku (PID). Il-PID jista' jikkawża uġigħ fil-pelvi addominali (uġigħ fin-naħa t'isfel taż-żaqq/l-istonku) li jista' jwassal ukoll għal infertilità u tqala ektopika (tqala li sseħħ barra l-ġuf).

F'persuni b'karatteristiċi maskili:

  • Jistgħu jiżviluppaw infezzjoni li tikkawża uġigħ fit-testikoli.
  • Rarament, il-Mycoplasma genitalium tista' tikkawża wkoll artrite (ġogi minfuħa) u infjammazzjoni tal-għajnejn.


Għandi ninforma lill-partner tiegħi dwar il-Mycoplasma genitalium?

  • Il-partners jista' jkollhom l-infezzjoni wkoll.
  • Qis li tgħid lis-sħab sesswali reċenti tiegħek sabiex ikunu jistgħu jiġu ttestjati u ttrattati. Jista' jkollhom il-Mycoplasma Genitalium mingħajr ma jkunu jafu.
  • Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jistgħu jgħinuk tinnotifika lis-sħab sesswali tiegħek b'mod kunfidenzjali.
  • Jekk xi ħadd jikkondividi l-istatus tas-saħħa sesswali tiegħu miegħek, tiddejjaqx - kun anzi, apprezzah dan il-ġest. Int u l-partner tiegħek tistgħu tiġu ttestjati u ttrattati!


Nista' nerġa' neħodha l-Mycoplasma genitalium wara li ġejt ikkurat/a?
Iva, tista' terġa' teħodha l-MG minn partner sesswali mhux ittrattat.

Il-Mycoplasma genitalium u t-tqala

  • L-infezzjoni matul it-tqala tista' tikkawża korriment jew ħlas qabel iż-żmien.
  • Jekk int tqila u tinsab f'riskju li tkun infettat bil-MGa, huwa importanti li tiġi ttestjata u kkurata qabel ma titwieled it-tarbija tiegħek.
  • Ftit li xejn huwa magħruf dwar it-trażmissjoni matul it-twelid. Madankollu, it-tarbija tat-twelid għandha tiġi osservata għal sinjali ta' infezzjoni fl-għajnejn jew fis-sistema respiratorja.


Il-Mycoplasma genitalium taffettwa r-riskju tiegħi li nieħu l-HIV?
Iva, il-MG iżżid ir-riskju li tal-infezzjoni bl-HIV.

Kif tista' tiġi evitata l-Mycoplasma genitalium?
MG u STIs oħra jistgħu jiġu evitati b'suċċess bl-użu ta' kontraċezzjoni xierqa u billi jittieħdu prekawzjonijiet oħra, bħal:

  • Bl-użu ta' kondoms maskili jew kondoms femminili kull darba li jkollok sess vaġinali, jew kondoms maskili matul is-sess anali.
  • Uża kondom biex tgħatti l-pene, jew dam tal-latex jew tal-plastik biex tgħatti l-ġenitali femminili jekk ikollok sess orali.
  • Li ma taqsamx l-użu tal-ġugarelli sesswali, jew inkella aħsilhom qabel u wara s-sess u għattihom b'kondom ġdid qabel ma jużahom xi ħadd ieħor.

Il-MG ma tistax tinqabad mill-bews, it-tgħanniq, li tieħu banju ma' xi ħadd, mill-pixxini jew mis-sedili tat-toilets.

Meta jista' nerġa' jkolli s-sess?
Nagħtuk parir li ma jkollok l-ebda tip ta' sess (bil-kondoms jew mingħajru) sakemm kemm int kif ukoll is-sieħeb tiegħek ikunu temmew il-kura tiegħek, u s-sintomi tiegħek ikunu spiċċaw.

Aktar informazzjoni u għajnuna

  • Kellem lit-tabib tiegħek.
  • Ċempel lill-GU Clinic 25457494/1 għal appuntament.


Referenzi:

https://www.bashhguidelines.org/media/1226/mgen_pil_digital_p2_2019.pdf

https://iusti.org/wp-content/uploads/2019/11/MycoplasmaLeaflet2017.pdf

https://www.cdc.gov/std/tg2015/emerging.htm#myco