HTLV

X'inhi l-HLTV-1?
HTLV-1 hija taqsira għal Human T-Cell Lymphotrophic Virus Type 1. Hija infezzjoni tul il-ħajja kollha u ġeneralment tkun asintomatika għal għadd ta' snin fil-biċċa l-kbira tal-persuni infettati bil-virus, qabel ma jibdew jidhru s-sintomi. Sfortunatament, dan jista' jwassal għal mard serju f'xi pazjenti. F'Malta, l-HTLV-1 hijaa ta' tħassib fost in-nies li ġejjin mill-Afrika sub-Saħarjana.

L-HTLV-1 tinsab fl-Amerika t'Isfel, il-Karibew, il-parti tan-Nofsinhar tal-Ġappun, u l-Papwa Ginea l-Ġdida (Papua New Guinea).

Kif nista' nnaqqas ir-riskju tiegħi għall-HTLV-1?

  • Uża l-kondoms kull darba li jkollok sess.
  • Illimita n-numru ta' sħab sesswali tiegħek.
  • Evita s-sess jekk tkun fis-sakra jew użajt drogi illeċiti.
  • Taqsamx labar ma' ħaddieħor.


Kif teħodha l-HTLV-1?
Tiġi trażmessa minn:

  • Sess mhux protett.
  • Demm.
  • Qsim ta' labar ma' persuni infettati.
  • Trażmissjoni vertikali: Hemm madwar 6 sa 35% trażmissjoni mill-omm lit-tarbija permezz tal-ħalib tas-sider. Jekk qed tredda', għandek jew tevita li tredda', jew tillimita t-treddigħ għal mhux aktar minn 6 xhur. Huwa importanti li tiddiskuti dan mat-tabib jew il-qwiebel tiegħek.

Ma tistax tieħu l-HTLV-1 mit-tgħanniq, il-bews jew mit-tazzi ta' xulxin.

X'inhuma s-sintomi tal-HTLV-1?
Il-marda tiżviluppa bil-mod u ġeneralment tieħu bejn 20 u 30 sena (għall-kuntrarju tal-HIV li tieħu bejn 5 u 10 snin) qabel ma jibdew jidhru s-sintomi. Ħafna ma juru l-ebda sintomu. Madwar 5% ta' dawk infettati jiżviluppaw waħda minn dawn il-mardiet serji:

  • Lewċemija/linfoma taċ-ċellula T adulta:
    • Għeja.
    • Nodi limfatiċi minfuħa.
    • Deni bl-għaraq.
    • Raxx tal-ġilda.
    • Bidliet anormali fl-għadam.
    • Tumuri malinja aggressivi.
  • Parapareżi Spastika Tropikali (prinċipalment fil-Karibew) u Mjelopatija Assoċjati mal-HTLV (li tidher l-aktar fil-Ġappun):
    • Ebusija tal-muskoli.
    • Spażmi tal-muskoli.
    • Jibbies il-mod kif timxi.
    • Dgħufija fin-naħa t'isfel tal-ġisem.
    • Uġigħ fin-naħa t'isfel tad-dahar.
    • Problemi fil-kontroll tal-bużżieqa tal-awrina u/jew l-ismaren.
    • Impotenza.
    • Tnemnim.
    • Riflessi attivi żżejjed.
  • Dermatite Infettiva:
    • Infezzjonijiet Staphylococcus jew Streptococcus rikorrenti fil-ġilda.
  • Uveite:
    • Il-kundizzjoni iġi f'daqqa, ħmura tal-għajnejn, uġigħ u vista mċajpra.
  • Polimijożite:
    • Uġigħ fil-muskoli.
    • Ebusija tal-muskoli.
    • Dgħjufija fil-muskoli prinċipalment fiż-żaqq, fl-ispallejn u fin-naħa ta' fuq tad-dirgħajn, fil-ġenbejn.
    • Uġigħ fil-ġogi.
    • Ebusija tal-ġogi.
    • Taħbit tal-qalb irregolari.
    • Diffikultà biex tieħu n-nifs.
    • Diffikultà biex tibla'.


Kif nista' nsir naf jekk għandix l-HTLV-1?
It-tabib jista' jagħmel test tad-demm. Tista' tiġi ttestjat/a għal STIs oħra peress li jista' jkollok infezzjonijiet oħra trażmessi sesswalment fl-istess ħin.

Meta għandi niġi ttestjat/a?

  • Jekk kellek jew qed ikollok sess vaġinali, anali jew orali mhux protett.
  • Jekk qed ikollok sess mhux protett ma' aktar minn sieħeb wieħed.
  • Tista' ssir taf li għandek l-infezzjoni waqt li tkun qed tiġi ttestjat/a għal raġunijiet oħra, minħabba li bosta ma jkollhom l-ebda sintomu.


Għandi ninforma lill-partner tiegħi dwar l-HTLV-1?

  • Il-partners tiegħek jista' jkollhom l-HTLV-1 ukoll.
  • Qis li tgħid lis-sieħeb/sieħba sesswali reċenti tiegħek sabiex ikunu jistgħu jiġu ttestjati u ttrattati. Jista' jkollhom l-HTLV-1 mingħajr ma jkunu jafuha.
  • Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jistgħu jgħinuk tinnotifika lis-sħab sesswali tiegħek b'mod kunfidenzjali.


Kif tiġi ttrattata l-HLTV-1?
L-HTLV-1 hija infezzjoni tul il-ħajja kollha u ma hemm l-ebda trattament speċifiku għaliha. Il-kura tingħata skont is-sintomi u/jew is-sinjali tiegħek u tista' tinkludi antivirali, kimoterapija jew kura oħra. Għandek tiddiskuti mat-tabib tiegħek.

Aktar informazzjoni u għajnuna

  • Kellem lit-tabib tiegħek.
  • Ċempel lill-GU Clinic fuq 25457494/1 għal appuntament.


Referenzi

https://www.healthdirect.gov.au/htlv-1-infection

ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC2901658/